Emendi għall-Abbozz ta’ Liġi Nru 241 intitolat “Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Cannabis”.
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
Il-Kamra tad-Deputati bħalissa qed tikkonkludi d-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi Nru 241 bit-titolu “Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Cannabis”. Minkejja bosta emendi raġonevoli u bilanċjati proposti mit-52 organizzazzjonijiet u l-individwi rappreżentati minn din il-petizzjoni, in-naħa tal-Gvern irrifjutat li tikkunsidra kwalunkwe minn dawn is-suġġerimenti u baqgħet tinsisti biex tgħaddi qafas regolatorju dgħajjef ħafna li jirriskja li jħalli impatt negattiv kbir fuq is-soċjetà tagħna, speċjalment fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-aktar vulnerabbli.
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
biex temenda l-Abbozz ta’ Liġi Nru 241 imsemmi hawn fuq biex tqis il-punti li ġejjin li joħolqu qafas regolatorju aktar b’saħħtu u jtaffu r-riskji possibbli għas-soċjetà li din il-liġi tista’ ġġib magħha:
• tiżdied l-età meta l-konsum tal-kannabis isir legali permezz tal-Abbozz minn 18 għal 25;
• tiżdied id-distanza tal-klabbs tal-kannabis minn skejjel, ċentri taż-żgħażagħ u istituzzjonijiet post-sekondarji minn sempliċi 250 metru għal kilometru;
• tirdoppja l-multi għat-tipjip tal-kannabis quddiem it-tfal u fil-pubbliku;
• titneħħa l-possibbiltà permessa fil-liġi li l-kannabis titkabbar f’residenzi maġenb l-iskejjel;
• tiġi regolata l-ammont ta' THC permess fil-kannabis;
• titneħħa r-referenza għall-kampanji edukattivi msemmija fl-Abbozz ta’ Liġi biex tinżamm b’mod ċar is-sitwazzjoni preżenti fejn il-kampanji tal-Gvern dwar l-użu tad-droga jiffokaw esklussivament fuq miżuri ta’ prevenzjoni li jispjegaw ir-riskji tal-użu tal-kannabis.
Matul id-dibattitu pubbliku madwar din il-liġi, il-Gvern sema’ minn organizzazzjoni waħda biss favur il-kannabis u injora l-ħafna organizzazzjonijiet, korpi kostitwiti, esperti mediċi, professjonisti mill-qasam psikosoċjali, akkademiċi, organizzazzjonijiet b’snin ta’ esperjenza fil-qasam tal-prevenzjoni tad-droga, eks-users tad-droga u ħafna oħrajn li lkoll esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar din il-liġi proposta.
F’dan l-istadju tard tad-dibattitu parlamentari, it-52 assoċjazzjonijiet u l-individwi hawn taħt iffirmati, li jirrappreżentaw eluf ta’ partijiet interessati, qed jagħmlu appell qawwi lin-naħa tal-Membri Parlamentari biex jirriflettu fuq ir-riperkussjoni negattiva wiesgħa li din il-liġi tista’ ġġib fuq is-soċjetà tagħna u biex jintroduċu dawn il-miżuri mitiganti.