Riforma kostituzzjonali: Petizzjoni għal demokrazija rappreżentattiva
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
Fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju 2024, 143,028 votant għażlu li jivvutaw għal kandidati indipendenti, għal partiti żgħar jew inkella li jastjenu. Miġbura flimkien dawn jikkostitwixxu 38.6% tal-elettorat Malti u Għawdxi.
Minn dawn, 33,102 vvutaw għall-kandidati indipendenti jew partiti żgħar, jiġifieri 12.7%. Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali tal-2022, perċentwal ta’ 12.7% issarraf f’għaxar siġġijiet f’Kamra ta’ 79 Membru Parlamentari (MP).
Madankollu, hemm riskju għoli li ebda mill-kandidati indipendenti jew partiti żgħar ma jtella’ siġġu, u dan minħabba l-fatt illi skont is-sistema elettorali tal-lum, il-kwota hija waħda distrettwali u l-kandidati jridu jakkwistaw 16.7% tal-vot sabiex ikunu eletti.
Però matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Parlament daħħal mekkaniżmu sabiex jiżdied il-bilanċ bejn is-sessi fir-rappreżentazzjoni Parlamentari. Permezz ta’ dan, ingħataw 12-il siġġu addizzjonali lill-kandidati nisa mill-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista li ma ġewx eletti fuq livell ta’ distrett.
Kif jipprevedi l-artiklu 52A tal-Kostituzzjoni, dan jiskatta biss wara li l-voti jgħaddu mill-proċess ta’ rapprezentanza proporzjonali bil-vot singlu trasferibbli, kif ukoll mill-mekkaniżmu korrettiv tal-maġġoranza. Huwa proċess illi rriżulta f’MP eletti, iżda mingħajr il-kwota rikjesta mill-MP l-oħra.
L-ikbar prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva huwa li kull vot jgħodd. Daqstant ieħor hu prinċipju sagrosant illi r-rieda tal-elettorat tiġi riflessa b’mod preċiż fir-riżultat elettorali.
Għalhekk hu neċessarju li mill-aktar fis, u ċertament waqt din il-leġiżlatura, jinbeda proċess ta’riforma elettorali. Dan tirreferi għalih ukoll il-President ta’ Malta l-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono fid-diskors inawgurali tagħha ta’ nhar l-4 ta’ April 2024, meta tkellmet favur standards demokratiċi għola:
Sabiex naraw rappreżentanza ta’ aktar formazzjonijiet fil-Parlament u jkollna wkoll aktar u aktar rappreżentanza, anke tal-iċken ċelloli fis-soċjetà tagħna, hemm bżonn l-emendi.
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
1. Jinfetaħ, mill-aktar fis waqt din il-leġiżlatura, proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ dwar is-sistema elettorali kurrenti;
2. Jiddiskutu, bħala prinċipju, l-introduzzjoni ta’ kwota (threshold) nazzjonali li tippermetti r-rappreżentanza sħiħa tal-elettorat Malti;
3. Il-proċess sħiħ iwassal għal riforma elettorali li tippreżenta sistema iżjed ġusta sa mill-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Fl-Elezzjoni Ġenerali kollha mill-Indipendenza ta’ Malta sal-lum, l-uniċi formazzjonijiet politiċi li ġew eletti kienu taħt il-kappa tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista.
L-elezzjoni għall-Parlament Ewropew wriet biċ-ċar li dan il-mudell duwalista ma għadux jgħodd f’Malta dejjem iżjed pluralista, fejn żdiedu l-vuċijiet u l-formazzjonijiet politiċi.
Fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Parlament ta' Malta rrikonoxxa n-nuqqas strutturali ta’ rappreżentazzjoni parlamentari tan-nisa u indirizzaha.
Issa wasal iż-żmien li l-Parlament jirrikonoxxi wkoll il-fatt li fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, 143,028 votant (38.6%) għażlu li ma jivvutawx għall-partiti li attwalment huma fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni. Minn dawn 33,102 (12.7%) ivvutaw għall-kandidati indipendenti jew partiti żgħar.
Ir-riskju li faxxa kbira ta’ votanti tibqa’ mhix rappreżentata wara l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss huwa bla preċedent, u għandu jittaffa billi tintlaqa’ s-sejħa tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono, sabiex jiġu preparati l-emendi ħalli jkunu rappreżentati aktar formazzjonijiet fil-Parlament.
Għaldaqstant nitolbu li jkun imniedi proċess Kostituzzjonali hekk kif indikat f’din il-petizzjoni.