Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Petizzjoni Nru: 55 Signatures: 404

L-Erbatax-il Leġislatura (2022 - 2026)

Details - B'mod elettroniku

Titlu
Agħtu Prijorità lit-Trasport Pubbliku, Mhux is-Sussidji lill-Karozzi Privati
 
Data
13-01-2025
 
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
21-03-2025
 
Min ħoloq il-petizzjoni
MARTIN GALEA DE GIOVANNI
 
Ilment
F’Diċembru tal-2024 ħarġet l-aħbar li l-Gvern ħa d-deċiżjoni li jalloka mill-ġdid fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tal-Unjoni Ewropea, li kienu se jintużaw għall-elettrifikazzjoni tal-flotta tat-trasport pubbliku Malti, biex minflok jintużaw għal sussidji fuq bejgħ ta’ karozzi privati elettriċi. Din id-deċiżjoni tixhed tibdil sinifikanti mill-Pjan oriġinali ta’ Malta għall-RRF, li kien jagħti l-ewwel prijorità lil investimenti f’trasport pubbliku sostenibbli bl-għan li jnaqqas l-inugwaljanzi soċjali, inaqqas l-emissjonijiet, u jappoġġja mobilità ekwa għal kulħadd. L-elettrifikazzjoni tal-karozzi tal-linja pubbliċi hija pass importanti ħafna sabiex il-pajjiż jindirizza l-problema severa tad-dipendenza fuq il-karozzi u l-kwistjonijiet tat-traffiku, problemi li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi bħala ostakli sabiex Malta tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha, kif ukoll bħala inċentiv lejn żieda fil-bidla lejn mezzi ta’ mobilità sostenibbli.

Minkejja dawn l-implikazzjonijiet, il-Gvern allegatament ħa din id-deċiżjoni bil-moħbi, mingħajr l-ebda konsultazzjoni pubblika jew approvazzjoni mill-Kummisjoni Ewropea, kif inhu meħtieġ taħt Artiklu 21 tar-Regolament tal-EU 2021/241. Sa Diċembru 2024, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta ddikjarat li ma kienet saret l-ebda rikjesta formali għal emenda mill-Gvern Malti.

Dan in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ osservanza ta’ proċeduri xierqa idgħajjef il-fiduċja pubblika u jqajjem tħassib dwar l-interessi ta’ min qed jiġi moqdi b’din id-deċiżjoni. Ir-reallokazzjoni tal-fondi, b’mod disproporzjanat, jibbenifika lill-individwi l-iktar sinjuri li jaffordjaw vetturi privati elettriċi, filwaqt li jittraskura l-interess tal-pubbliku f’trasport affordabbli, sostenibbli, u effiċjenti.
 
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
1. Tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà billi ġġiegħel lill-Gvern jiżvela pubblikament ir-raġunament wara din il-bidla proposta fil-finanzjament, inkluża kwalunkwe korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea.
2. Tiżgura li l-Gvern jissospendi l-proposta ta’ allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi sakemm tiġi sottomessa u approvata talba għal emenda formali mill-Kummissjoni Ewropea, kif mitlub mir-regolamenti tal-UE.
3. Titlob lill-Gvern biex jagħmel konsultazzjoni pubblika biex iċ-ċittadini u r-residenti jkunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-użu tal-fondi tal-RRF, filwaqt li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod demokratiku u fl-interess pubbliku.
4. Titlob lill-Gvern biex jerġa’ jagħti l-ewwel prijorità lill-investimenti fit-trasport pubbliku, bħall-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi tal-linja u l-esplorazzjoni tal-iżvilupp ta’ sistema ta’ Bus Rapid Transit (BRT), li jippromwovi mobilità urbana sostenibbli u jibbenefika liċ-ċittadini kollha b’mod ekwu.
5. Titlob lill-Gvern jimplimenta salvagwardji fil-ftehim attwali ta’ konċessjoni dwar it-Trasport Pubbliku biex jiżgura l-kontinwità tas-servizz fi tmiem il-konċessjoni (2030), inkluż l-użu tal-flotta tal-elettriku u infrastruttura relatata.
 
Rimarki tal-għeluq
Aħna, grupp ta’ NGOs ambjentali - Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, u Rota - ninsabu mħassba ħafna dwar ir-reallokazzjoni proposta mill-Gvern tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tal-UE. Din il-bidla mhux biss tipperikola l-kapaċità ta’ Malta li tilħaq il-miri klimatiċi tagħha iżda wkoll taggrava l-inugwaljanzi soċjali, ambjentali, u fit-trasport, filwaqt li ddgħajjef il-fiduċja pubblika fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-fondi pubbliċi.

Nistiednu lill-pubbliku, b’mod partikolari gruppi sottorappreżentati bħall-anzjani, il-ħaddiema, il-ġenituri u l-gwardjani, il-persuni b’diżabilità u l-istudenti, biex jingħaqdu magħna biex jiffirmaw din il-petizzjoni. Billi nagħmlu dan, nistgħu kollettivament nitolbu li l-fondi pubbliċi jintużaw biex isaħħu u jtejbu t-trasport pubbliku, filwaqt li jiżguraw benefiċċji ekwi għaċ-ċittadini u r-residenti kollha ta’ Malta.

Flimkien, nistgħu nirrakkomandaw mod trasparenti, ġust u sostenibbli kif jintużaw il-finanzjament tal-UE. Billi niffirmaw din il-petizzjoni, inħeġġu lill-Gvern biex jagħti prijorità lill-investimenti fit-trasport pubbliku li jaqdu lin-nazzjon kollu u jallinjaw mal-għanijiet ambjentali u soċjali ta’ Malta. Ejjew niżguraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod demokratiku u għal qalb l-aħjar interessi taċ-ċittadini u r-residenti Maltin kollha.