Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Petizzjoni Nru: 59 Signatures: 29057

L-Erbatax-il Leġislatura (2022 - 2026)

Details - B'mod elettroniku

Titlu
Manoel Island: Post Għalina
 
Data
21-03-2025
 
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
25-05-2025
 
Min ħoloq il-petizzjoni
ROBERT LOUIS FENECH
 
Ilment
Aħna nazzardaw ikollna ħolma.

Noħolmu li jkollna park uniku fil-qalba tal-aktar żona urbana bl-iktar densità għolja ta’ nies. Pulmun aħdar f’nofs il-baħar, għad-dell tal-istorja tal-Kavallieri, u li jħares faċċata s-Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO tal-Belt Valletta.

Noħolmu li l-ġenituri jkollhom post fejn jistgħu jilagħbu mat-tfal tagħhom fuq il-ħaxix, waqt li ż-żgħażagħ jgħumu b’waħda mill-iktar veduti spettakolari fid-dinja warajhom.

Destinazzjoni ideali kemm għal koppji żgħażagħ u kemm għal persuni rtirati, fejn l-aromi u l-ħsejjes tal-Mediterran jonfħu nifs ġdid f’qalb in-nies.

Għandna din il-ħolma li Manoel Island tista’ verament tkun Post Għalina.

Fatti:
1. Manoel Island huwa l-pulmun ekoloġiku taż-żona tan-naħa tal-Port fit-Tramuntana, f’liema żona joqogħdu ’l fuq minn 150,000 resident u li tiġi ffrekwentata ta’ kuljum minn ħafna ħaddiema.
2. Fl-2000, il-Parlament ivvota b’mod unanimu biex Manoel Island tiġi ttrasferita lill-privat sabiex jiżviluppawha f’appartamenti lussużi u spazji kummerċjali.
3. Għalkemm il-kuntratt huwa validu sal-2099, il-konċessjonarju jrid ilesti “sostanzjalment” il-fażijiet ta’ Tigné u Manoel Island sas-sena 2026.
4. Jekk ix-xogħlijiet ma jkunux lesti sa Marzu 2026, il-kuntratt jippermetti lill-Gvern jieħu lura l-konċessjoni sħiħa.
5. Il-konċessjonarju u l-Gvern bħalissa qed jinnegozjaw estensjoni tad-data sa meta jrid jitlesta l-proġett.

Għalhekk, l-2025 hija opportunità storika għal Malta. Qatt mhu se jerġa’ jkun hemm opportunità oħra fejn dan il-kuntratt se jiġi rinegozjat. Tul ħajjitna, qatt mhi se terġa’ titfaċċa opportunità bħal din. U lanqas qatt iktar.

Dan huwa l-uniku ċans li għandna biex inbiddlu l-futur ta’ Manoel Island.
 
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
1. Isiru negozjati mal-konċessjonarju sabiex Manoel Island tingħata lura lill-Gvern u ssir sjieda pubblika.
2. Manoel Island tinbidel f’park pubbliku.
3. Ir-residenzi ppjanati jinbidlu fi spazji ħodor miftuħa u faċilitajiet rikreazzjonali sabiex jinħoloq pulmun aħdar għaż-żona kollha.
4. Il-wirt storiku ta’ Manoel Island jiġi rrestawrat u ppreservat, u jsir aċċessibbli għall-pubbliku.
 
Rimarki tal-għeluq
Jekk nittrasformaw lil Manoel Island f’park pubbliku, ikun pass kbir fid-direzzjoni t-tajba, għas-saħħa fiżika u mentali tagħna, għall-ambjent, u ħafna iktar.

Dan huwa l-uniku ċans li għandna biex insarrfu l-ħolma tagħna f’realtà.

Din hija l-aħħar opportunità li għandna biex nittrasformaw lil Manoel Island f’Post Għalina.