Talba għall-Eżproprjazzjoni ta’ Art fil-Mellieħa (Oriġinarjament Art Pubblika) – PA07710 24
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
Li dan il-Parlament,
Billi l-applikazzjoni PA 07710 24 tipproponi guesthouse (26 kamra) u 28 appartament fuq art fil-Mellieħa li oriġinarjament kienet tal-Gvern u ngħatat lil entità privata permezz ta’ tender tal-Awtorità tal-Artijiet;
Billi il-proġett jinkludi spa, pools, bar, gym u faċilitajiet oħra f’żona residenzjali, b’impatt fuq l-infrastruttura (drenaġġ, ilma, elettriku), it-traffiku u żieda fl-istorbju, ħmieġ u tniġġis tad-dawl;
Billi dan isegwi żvilupp ieħor fuq art li kienet pubblika fil-Mellieħa, li jqajjem tħassib dwar sostenibbiltà;
Billi dokumenti uffiċjali juru li fl-2003 il-Kunsill Lokali Mellieħa talab li din l-art tintuża bħala spazju rikreattiv u ta’ tisbiħ pubbliku;
Billi il-Perit tal-Kunsill iddikjara li l-proposta tikser il-policy NWTO 1, taqbeż il-limiti tal-għoli u toħloq impatt negattiv fuq it-traffiku u l-infrastruttura;
Billi r-residenti opponew minħabba traffiku, storbju, telf ta’ privatezza u dawl, impatt ambjentali fuq “green lung” naturali u impatt fuq il-wirt storiku;
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
Għaldaqstant, qed jintalab lill-Gvern biex:
* Jeżproprja l-art u jerġa’ jdaħħalha taħt kontroll pubbliku;
* Jalloka fondi biex tinbidel f’ġnien jew spazju aħdar pubbliku;
Din it-talba ssir biex:
* Tiġi salvagwardjata l-art pubblika;
* Tiġi protetta l-karattru taż-żona;
* Jiġi affermat li l-art tal-poplu għandha tibqa’ għall-ġid tal-poplu.
Fl-aħħar mill-aħħar, din mhijiex biss kwistjoni ta’ żvilupp, iżda ta’ prinċipju. L-art li kienet tal-poplu ma tistax tintilef mingħajr vuċi u mingħajr bilanċ ġust. Għandna responsabbiltà li nipproteġu l-komunitajiet tagħna, l-ambjent tagħna u l-wirt tagħna. Illum nieħdu pożizzjoni mhux biss għall-Mellieħa, iżda għal kull lokalità li l-art pubblika għandha tibqa’ għall-ġid tal-poplu.
Kunsill Lokali Mellieħa