Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Petizzjoni Nru: 93 Signatures: 1487

L-Erbatax-il Leġislatura (2022 - 2026)

Details - B'mod elettroniku

Titlu
Estensjoni tal-leave tal-Maternità, flimkien mal-Paternità u Ġenituri imħallas aħjar
 
Data
23-03-2026
 
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
22-05-2026
 
Min ħoloq il-petizzjoni
CHRISTABEL-MARTHA VELLA VASOVIC
 
Ilment
Kurrentament, il-leave tal-Maternità, tal-Paternità u tal-Ġenituri f’Malta mhux biżżejjed biex jappoġġja l-ommijiet, il-missierijiet u t-trabi fl-ewwel snin kruċjali. Il-bonding bejn omm u tarbija u bejn ġenitur u tarbija huwa essenzjali għar-regolazzjoni emozzjonali, l-iżvilupp konjittiv u l-benesseri tat-tarbija. It-treddigħ, meta jkun magħżul, huwa komponent naturali u vitali għall-ikel u s-saħħa tat-tarbija, iżda l-leave limitat spiss jipprevjeni dan.

Is-servizzi ta’ ‘childcare’, għalkemm ta’ benefiċċju għal familji li jagħżluhom, ma jistgħux jissostitwixxu preżenza kostanti u responsiva ta’ ġenitur. It-trabi jeħtieġu kura u trawwim stabbli, iżda pressjonijiet finanzjarji, inkluż self għall-dar u spejjeż dejjem jiżdiedu, jġiegħlu lill-ġenituri jerġgħu lura għax-xogħol ftit żmien wara t-twelid. Bħala riżultat, it-trabi spiss jidħlu f’‘childcare centres’ qabel ma jkunu lesti minn naħa ta’ żvilupp, u jitilfu ħin essenzjali għall-bonding. Il-leave tal-Maternità f’Malta għadu fost l-iqsar fl-UE, u dan jagħmel l-kwistjoni urġenti.

WHO tirrakkomanda it-treddigħ esklussiv għall-ewwel sitt xhur u kontinwu sa sentejn jew aktar. UNICEF tħeġġeġ li l-ġenituri huma l-fornituri l-aktar importanti u jeħtieġu ħin, riżorsi u appoġġ biex jipprovdu kura u trawwim b’mod effettiv.

Il-missierijiet għandhom rwol vitali fl-appoġġ lill-ommijiet u l-bonding mat-tarbija u il-kondiviżjoni tat-trawwim, li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġenituri. L-ommijiet jeħtieġu ħin suffiċjenti biex jirkupraw wara l-ħlas; b’appoġġ fejn possibbli mill-missierijiet. Il-leave kurrenti ma jappoġġjax dan.

Filwaqt li l-ħajja moderna teħtieġ li żewg ġenituri jaħdmu u l-iżvilupp tal-karriera huwa mħeġġeġ; it-trabi u t-tfal żgħar għadhom jeħtieġu sigurtà emozzjonali, valuri u stabbiltà li jistgħu jipprovdu biss il-ġenituri f’età formativa. Il-leave kurrenti ma jippermettix dan b’mod kostanti.
 
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
1. Estensjoni fil-leave tal-maternità mħallas sabiex kull omm tkun tista tibqa d-dar mat-tarbija tagħha għal 52 ġimgħa, kif jirrakkomandaw l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u UNICEF, sabiex it-tarbija tibbenefika mill-preżenza kostanti ta’ ġenitur u l-benesseri tagħha jkun protett. Nitolbu li dan il-leave ikun imħallas b'mod sostanzjali biex l-omm tkun tista tirkupra, toħloq rabta mat-tarbija tagħha, u, l-għażla li tkompli treddà. Fil-każ li l-omm tmut matul il-leave tagħha u jkun fadal leave mhux użat, il-missier jew il-kustodju legali tat-tarbija jirċievi awtomatikament il-leave li jifdal biex jiżgura li t-tarbija tkompli tirċievi kura minn min jieħu ħsiebha primarjament.

2. Estensjoni fil-leave tal-paternità mħallas sabiex il-missier jirċievi l-istess tul ta' żmien bħal-leave tal-maternità. Dan jippermetti lill-missier jappoġġja lill-omm, joħloq rabta mat-tarbija, u jaqsam r-responsabbiltajiet tal-kura. Il-leave għandu jkun sostanzjali u mħallas tajjeb, jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, jipprevjeni d-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, u jiżgura li ż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-kura.

3. Estensjoni fil-leave tal-ġenituri għal 52 ġimgħa li jista’ jiġi trasferit bejn il-ġenituri kif meħtieġ, sabiex jippermetti l-kura tat-tarbija wara l-ewwel sena, inkluż meta jkunu morda jew għal bżonnijiet oħra tal-familja. Il-leave tal-ġenituri għandu jkun imħallas mod sostanzjali, biex il-familji jkollhom għażla reali u appoġġ effettiv.
 
Rimarki tal-għeluq
L-appoġġ lill-ġenituri fl-ewwel snin tat-tarbija huwa investiment fis-saħħa, fl-iżvilupp emozzjonali u fil-futur tat-tarbija. Leave tal-Maternità, tal-Paternità u tal-Ġenituri ugwali u imħallas b’mod adegwat jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi, isaħħaħ il-familji u jagħti lit-trabi l-kura meħtieġa fl-età formattiva tagħhom. Nħeġġu lill-Gvern biex jaġixxi malajr biex jimplimenta dawn il-bidliet u jiggarantixxi li kull tarbija jkollha l-opportunità tikber b’kura kostanti u sigurta’ minn ġenituri.