Ftit Nifs lill-Poplu Malti: Proposta biex Manoel Island issir Park tal-Wirt Nazzjonali
Data li l-petizzjoni tagħlaq għall-firem
Minħabba l-bini bla rażan u t-teħid tal-ispazji pubbliċi matul is-snin, fil-Gżira u l-lokalitajiet ta' madwarha ftit li xejn fadal spazji pubbliċi miftuħin li jistgħu jgawduhom in-nies. Bil-proposta tagħhom li jibnu fuq Manoel Island, il-MIDI qed jipproponu l-bini tas-soltu u jkomplu jgħawru f'din il-ferita.
Biex igawdu l-ftit, dan il-proġett jaf jgħarraq il-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' nies. Dan il-proġett jinkwetana l-aktar għax se:
• Jeqred parti sew mix-xatt tal-Gżira, li jintuża s-sena kollha mill-Maltin u l-barranin biex jippassiġġaw u jistrieħu;
• Iħassar il-veduta magħrufa mad-dinja kollha tal-port ta' Marsamxett mix-xatt tal-Gżira. Jekk tintilef din il-veduta (li tintuża bħala promozzjoni anki fuq l-ajruplani tal-Airmalta), jispiċċa darba għal dejjem dak li jsaħħar lin-nies u jiġbidhom lejn ix-xatt tal-Gżira;
• Jiċkien il-baħar bejn il-Gżira u Manoel Island għax min-naħa tal-Gżira se joħorġu x-xatt iktar `il barra u min-naħa ta’ Manoel Island se jkabbru t-tarzna tal-jottijiet. Dan ifisser li l-attività industrijali issa se tmiss mal-lokalità fejn diġà jgħixu ħafna nies fi spazju żgħir;
• Titneħħa l-unika rampa u magħha l-faċilitajiet għad-dgħajjes f'dan il-port. Dan se jeqred l-ambjent karatteristiku ta' din id-daħla u jwassal biex id-dgħajjes iż-żgħar tas-sajd u d-dgħajjes bil-qlugħ ikollhom jitilqu minn hemm. Is-sidien tad-dgħajjes iż-żgħar ilhom jużaw din ir-rampa għal dawn l-aħħar 70 sena;
• Itawwal sew iż-żmien li fih se jdum għaddej ix-xogħol kbir li jrid isir u li se jħarbat it-traffiku. Dan kollu se jolqot ħażin ħafna lin-nies li jgħixu fl-inħawi u jgħarrqilhom ħajjithom;
• Jinbnew appartamenti għal eluf ta' residenti ġodda fi nħawi li fihom diġà jgħixu wisq nies. Magħhom se jiżdiedu eluf ta' vjaġġi bil-karozzi kuljum u se tkompli tikber il-problema tat-tniġġis tal-arja fil-Gżira fejn diġà hemm rata għolja ta' nies li jbatu bl-ażma u mard ieħor.
Għaldaqstant umilment nitlob/nitolbu lill-Kamra tad-Deputati sabiex
Dawn l-effetti ħżiena nistgħu nevitawhom. Biex nikkoreġu l-iżbalji tal-passat, il-Gvern ta' Malta jrid iħares dak li fadal mill-ambjent naturali u l-wirt kulturali fl-inħawi. Manoel Island tista' tinbidel f'Park tal-Wirt Nazzjonali kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jżuru pajjiżna.
Ladarba l-ambjent naturali miftuħ huwa essenzjali għas-saħħa fiżika u mentali taċ-ċittadini, qegħdin nitolbu li l-Gvern ta' Malta:
• Jiżviluppa Manoel Island f'park bis-siġar fejn il-bini storiku jkun imdawwar b'ambjent naturali mhux mittiefes;
• Iżomm u jtejjeb il-faċilitajiet fix-xatt tal-Gżira li ilhom mitluqin ħafna snin u għalhekk il-poplu ma jistax igawdihom sew;
• Jittrasforma Manoel Island f'park fejn iż-żgħażagħ, il-familji, id-dilettanti, l-anzjani tagħna, it-turisti u l-komunità inġenerali jistgħu jistrieħu;
• Iħares il-veduta ikonika li hemm minn Triq ix-Xatt, għax din hija parti mill-wirt nazzjonali tagħna u llum igawduha dawk kollha li jgħammru fil-gżejjer tagħna;
• Itejjeb ir-rampa li tintuża ħafna mis-sajjieda u s-sidien tad-dgħajjes iż-żgħar u b'hekk jagħti nifs ġdid lill-wirt marittimu Malti li bil-mod il-mod qed jintilef.
Il-Gvern għandu 'idejh opportunità storika biex jikkoreġi l-iżbalji li saru fl-imgħoddi u jibqa'; jissemma bħala l-gvern li qabeż għad-drittijiet tan-nies komuni. Manoel Island hija l-unika biċċa art mhux mibnija li fadal fin naħa ta' fuq tal-Port li fiha diġà hemm wisq nies u attività. Ġawhra tal-wirt arkitettoniku u naturali tagħna bħal din għandha tibqa' għand il-poplu Malti u Għawdxi.