Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Abbozz Nru 146
Abbozz ta' Liġi dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Artijiet Lura għal-Lista

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)

Għanijiet u Raġunijiet

L-Għan ta' dan l-Abbozz huwa li bil-mod il-mod is-sistema preżenti ta' "reġistrazzjoni ta' atti" tinbidel f'sistema ġdida ta' "reġistrazzjoni ta' titolu għal art".


Is-sistema preżenti tipprovdi l-mezz għar-reġistrazzjoni, f'reġistru pubbliku, tal-atti kollha li jittrasferixxu proprjetà immobbli u jeddijiet reali fuq dik il-proprjetà. Ir-reġistrazzjoni ssir, u l-indiċi jinżamm b'riferenza għall-partijiet li jidhru fuq l-att; u tkun biċċa xogħol kbira u kull tant impossibbli, biex issir taf mir-reġistru, min hu sid ta' x'hiex u, anqas u anqas, id-dejn li jkun hemm fuq il-proprjetà. Barra minn hekk att mhux bilfors jittrasferixxi titolu, u għalhekk qatt ma tista' tkun ċert jekk il-persuna li favur tagħha jsir it-trasferiment tkunx fil-fatt is-sid tat-titolu li l-att ikun jidher li qed jittrasferixxi.


Sa ftit żmien ilu t-titoli għall-artijiet f'Malta kien iktar komplikat minħabba l-effett tal-ipoteka ġenerali fuq l-immobbli. Din is-sistema ipotekarja tbiddlet radikalment fl-1975. Bħala riżultat ta' dan it-tibdil, ħlief għal ipoteki ġenerali li kien hemm qabel u li l-effett tagħhom għal terzi persuni jispiċċa għal kollox fl-1985, ipoteki speċjali biss issa jistghu jolqtu proprjetà trasferita mid-debitur.


Passi oħra li kienu ttieħdu sabiex titwitta t-triq għas-sistema l-ġdida ta' reġistrazzjoni ta' titolu kienu t-tneħħija tal-jedd tal-irkupru u x-xoljiment tal-kuntratt tal-bejgħ minħabba leżjoni.

L-Abbozz għandu l-ħsieb li bis-sistema l-ġdida dak li jiġi reġistrat ma jkunx l-att li jittrasferixxi l-art iżda t-titolu għall-art u d-djun, il-jeddijiet, l-interessi u l-piżijiet li għalihom tkun suġġetta l-art. Dan kollu jkun jirriżulta minn ċertifikat li jiggarantixxi t-titolu lis-sid tiegħu, titolu li għal kull fini prattiku jkun assolut, kemm-il darba ċ-Ċertifikat ma jkunx igħid xort'oħra. Għalhekk kull min jeżamina ċ-ċertifikati jkun jista' jgħid, mad-daqqa t'għajn, min huwa s-sid jew xort'oħra, f'idejn min hi l-art, taħt liema titolu jew titoli, u d-djun eċċ. li għalihom tkun suġġetta l-art. Dejjem bla ħsara għal dawk il-prekawzjonijiet li ma jistgħux jiġu evitati - bħalma huma dawk kontra l-qerq ta' persuna li tkun tidher fuq iċ-Ċertifikat bħala li hi s-sid - iċ-Ċertifikat ikun mera ta' dak kollu li jkollu x'jaqsam mal-proprjetà u li jkun jirreferi għaliha.

B'din il-garanzija sid ta' titolu jkun jista' jittrasferih kważi bl-istess faċilita qisu qed jittrasferixxi shares f'kumpannija.

Naturalment din is-sistema ma tistax tgħid li m'hijiex suġġetta għal żbalji umani. lżda wkoll dawn l-iżbalji ma jolqtux it-titolu muri fuq ir-reġistru u għalhekk ukoll fuq iċ-Ċertifikat. Jekk jiġru dawn l-iżbalji, il-liġi proposta tipprovdi għall-ħlas, minn fond imwaqqaf bil-liġi nnifisha, biex jagħmel tajjeb għal kull telf li jkun ġarrab.


Vantaġġ ieħor importanti tas-sistema l-ġdida huwa li l-art tiġi reġistrata b'riferenza, mhux għall-att u l-partijiet li jkunu jidhru fuqu, iżda għall-mappa li turi l-post preċiż, is-sura, id-daqs u dettalji oħra importanti li jkollhom x'jaqsmu magħha u b'riferenza għan-numru tar-reġistrazzjoni tagħha, dan in-numru jkun ukoll in-numru taċ-Ċertifikat tar-reġistrazzjoni.

Din is-sistema l-ġdida li hi komunement imsejħa "reġistrazzjoni ta' titolu għal art" jew "reġistrazzjonijiet tal-artijiet" u wkoll, għalkemm b'mod anqas preċiż, bħala "is-sistema Torrens", ma għandhiex titħawwad mas-sistema magħrufa bhala "Cadastre", kelma franċiża li tfisser reġistru pubbliku tal-kwalità, valur u sidien tal-proprjetà immobiljari f'pajjiż, miġbura mill-istat għall-għanijiet tiegħu proprju, ġeneralment biex isservi bħala bażi għal taxxa. Is-sistema proposta bl-Abbozz għandha bħala l-għan ewlieni tagħha garanzija ta' titolu għas-sid reġistrat u biex l-art u l-bini jistgħu jiġu trasferiti aktar faċilment.


Is-sistema l-ġdida tidħol b'dak il-pass mgħaġġel li jkun iżomm it-temp taż-żmien meħtieġ biex jiġu eżaminati t-titoli għall-artijiet qabel ma dawn jiġu reġistrati. Wieħed iħoss li l-iqsar triq hi li jiġu speċifikati distretti u t-trasferimenti kollha (u indirettament ukoll it-trasmissjonijiet kollha li jgħaddu b'wirt) f'dawk id-distretti jkunu suġġetti għal reġistrazzjoni. Il-vantaġġ ewlieni ta' din il-proċedura hu li t-titolu ta' min jittrasferixxi, konsegwentement tal-persuna li lilha jkun sar it-trasferiment u li tapplika għar-reġistrazzjoni jkun diġà ġie eżaminat mill-konsulent legali ta' din il-persuna, u l-konferma tar-reġistratur normalment tkun ħaġa ta' rutina.


B'danakollu qed jiġi provdut ukoll biex issir reġistrazzjoni volontarja. Tabilhaqq, sakemm dan ikun jista' jsir mingħajr ma joħloq dewmien għar-reġistrazzjoni obbligatorja, ir-reġistrazzjoni volontarja tkun imħeġġa sabiex it-titoli għall-artijiet kollha f'Malta u f'Għawdex ikunu reġistrati fl-iqsar żmien possibbli.

Mozzjoni Nru 261 - Abbozz ta' Liġi dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Artijiet

Att Nru XXXV tal-1981 - Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Artijiet

 

Dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra {{totalItems}}

Kien hemm żball fl-ipproċessar tat-talba tiegħek. Dan l-iżball ġie lloggjat. Niskużaw ruħna ta’ kull inkonvenjent. Jekk il-problem tippersisti, jekk jogħġbok ipprova neħħi il-cache tal-web browser tiegħek