Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr Anton Buttigieg

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (19 Fra 1912 - 5 Mej 1983)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 100 tal-Ħames Parlament tad-9 ta' Mejju 1983

KONDOLJANZI

ONOR. DOM MINTOFF (Prim Ministru): Mr Speaker, b'sinjal ta' qima nixtieq nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada, l-10 tax-xahar fis-6.00 p.m. bl-istess ordnijiet tal-ġurnata li għandna llum; billi din hi l-ewwel laqgħa tal-Parlament mindu ħalliena l-ex-President Anton Buttigieg.

Bħala poeta u bħala President tar-Repubblika f'dawn l-aħħar jiem lil Anton Buttigieg fakkruh ħafna nies li żgur ma kenux fuq in-naħa tiegħu f'dak li huwa twemmin politiku. Jien nagħmel ħażin jekk mat-tifħir li taw huma għax-xogħol kbir li għamel f'dawk l-oqsma nżid tiegħi għax l-aħjar tifħir aħjar jiġi minn fost dawk illi f'ħajtu ma kenux warajh milli jiġi min-naħa tiegħi. Pero' nixtieq li f'din l-okkażjoni jien, f'ismi u għan-nom ta' sħabi niftakar fih bħala Soċjalista u bħala patrijott.

Anton Buttigieg, jew Toni, kif konna nsejħulu aħna, ġie minn familja fqira, mill-Qala, Għawdex. Missieru kien baħri, kien maqtugħ mill-Moviment Soċjalista għax l-ambjent qatt ma tah in-nifs li jista' jkun jaf x'jiġifieri dan il-moviment u beda l-ewwel żmenijiet ta' ħajtu fil-letteratura, miġbud lejn l-ilsien Malti, u fil-politika miġbud iktar lejn il-partit li kien favur l-Inġilterra dak iż-żmien. Pero' dan ma damx wisq u qabel l-1955 telaq lill-Partit Stricklandjan u daħal fil-Partit Soċjalista. Minn dak iż-żmien sar wieħed mill-aktar pilastri sodi tal-Moviment tal-Ħaddiema f'Malta.

Jien niftakar meta bejn l-1956 u l-1958 kien hemm iċ-ċans li hu jsir imħallef u jien għajjatlu u għidtlu: Huwa d-dmir tiegħi li ngħidlek li fost l-avukati li nafu li jikkwalifikaw li jsiru mħallfin, aħna nħossu li l-iktar wieħed li għandu kwalifiki u l-iktar li nħossu fiduċja fih huwa inti, u lesti biex noffruhulek dan il-post; imma jekk tieħu l-parir tiegħi jien nista' ngħidlek li Malta u l-Moviment tal-Ħaddiema għandu ferm aktar bżonnok jekk tibqa' barra u ma tidħolx fil-ġudikatura u ma tagħżilx dik it-triq. Għidtlu: Veru li jien qed noffrilek triq ta' tbatija u ta' xewk, imma qed noffrilek triq illi fiha inti jkollok aktar sodisfazzjon għal akbar ġid li tista' tagħmel lil pajjiżek. Hu mingħajr tlaqlieq ta' xejn irringrazzjani tal-fiduċja li wrejt fih u żied qalli: La għandek fiduċja fija li naħdem fil-qasam politiku, ibqa' ċert illi din li nixtieq jien, u li nixtieq huwa li naħdem spalla ma' spalla miegħek.

Kemm kien veru dak li hu wiegħed deher imbagħad fiż-żmenijiet koroh bejn l-1958 u l-1964. Dawk iż-żmenijiet, dawn l-istess orġanizzazzjonijiet li llum tant tkellmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u jippretendu li jsibu x-xagħra fl-għaġina fuq kull ħaġa, dawn l-istess ġruppi kienu tefgħu l-weight tagħhom kollu kontra l-Moviment tal-Ħaddiema u f'Malta ma kien hawn drittijiet assolutament ta' xejn. Kien hawn biċċa ex-suldat li jikkmanda kollox, dittatur hu; u l-Qrati, bil-Kmamar kollha ta' l-Avukati u mhux avukati, kienu jmexxuhom minn ġol-Palazz ... Jien naf ċertissimu, hemm il-provi kollha li meta ġew l-akkużi trumped-up fuq xejn kontra l-Membri Soċjalisti li ħadu parti fl-orġanizzazzjoni ta' l-istrike li sar f'April, 1958, mhux biss kien hemm dan il-Kummissarju De Gray illi f'wiċċna kien qalilna li hu m'għandu l-ebda lealta' lejn l-ebda gvern Malti imma l-leata' tiegħu hija lejn il-Kuruna Inġliża - bid-dikjarar ''hekk'' - u illi ma jimpurtahx minna għaliex il-Gvern Ingliż jipproteġih - mhux biss kien hemm dan il-Kummissarju li kellu full powers u jagħmel li jrid - imma saħansitra minn ġol-Palazz kienu jagħżlu . il-Maġistrat Gouder - qed insemmi dan jien ħalli dawn l-affarijiet jibqgħu fl-Istorja ta' Malta - illi kien magħruf illi kull Laburist li jiġu quddiemu, għamel x'għamel, hi x'inhi, iwaħħlu l-ħabs. Kien imiss lil seħibna l-Avukat Buttigieg li bil-kuraġġ kollu, f'ambjent ostilissimu kien imur jiddefendi lis-Soċjalisti kollha, bl-ikbar kuraġġ, b'wiċċu minn quddiem f'minoranza żgħira.

Wera l-patrijottiżmu tiegħu fid-delegazzjonijiet li kellna meta b'dan il-kolonjaliżmu kollu li reġa' daħal f'pajjiżna ... Għax aħna ma ridniex li nkunu pupi tal-Gvern Inġliż, aħna ħriġna delegazzjonijiet barra minn Malta. Dak iż-żmien ma kienx hawn min - bħall-Ewropa llum - jagħti l-flus biex joħorġu n-nies u ma joħorġux ... Dan konna nagħmluh b'saġrifiċċju tagħna personali. Aħna konna dorna kullimkien biex naraw min veru qed juri l-iċken simpatija mal-poplu Malti, u min veru d-demokrazija kien jemmen fiha biex jisserva biha biss - u jien qed nirreferixxi għall-Gvern Taljan ta' dak iż-żmien bil-Ministri kollha li kellhom - u nista' ngħid li l-postijiet fejn aħna sibna kenn kienu fil-postijiet fejn aħna qatt ma ħlomna li dawn jemmnu veru fil-liberta'. Qed nirreferixxi għall-Juġożlavja, qed nirreferixxi għall-Greċja u qed nirreferixxi għall-Eġittu. Jien niftakar b'liema ħila u b'liema ħerqa dan il-bniedem li l-background tiegħu kien background Stricklandjan meta kien żġħir, dan il-bniedem, li jien konvintissimu li wara Malta u Għawdex l-iktar li kien iħobb fid-dinja huma l-Inġilterra u l-letteratura Ingliża, b'liema qawwa kien jiddefendi l-kawża ta' Malta u b'liema lealta'.

Din il-prova ta' patrijottiżmu u ta' twemmin Soċjalista, Anton Buttigieg baqa' jagħtiha fi żmenijiet meta mbagħad il-Knisja, fl-1961, kienet tat l-interdett - il-kelma moderna li tfisser skomunika, jiġifieri ma tistax tikkommunika int mal-fidili l-oħrajn. Dik li tfisser skomunika. Interdett dan hu, li inti ma tistax tieħu parti fl-affarijiet l-iktar sagri tat-twemmin reliġjuż. Dan qed ngħidu jien għax niftakar li vvintaw din il-kelma ġdida biex għal taparsi mhix skomunika. Dak iż-żmien, l-iktar qlubija li kien wera kienet meta morna Għawdex, fl-1961, u hemmhekk bil-kleru kollu ... Ħlief tnejn ma nafx jien li kien hemm li xi darba pprotestaw fuq l-għemil barbaru ta' dawk iż-żmenijiet kontra l-Moviment Soċjalista. Meta fl-1961 morna biex nagħmlu meeting It-Tokk, f'dan Għawdex li huwa tant kien iħobb u tant kien għal qalbu, bl-aktar mod moqżież, l-aktar mod vili, jitfgħu t-tfal quddiem, nisa quddiem biex aħna żgur ma nistgħux niċċaqilqu, isaffru, iċemplu l-qniepen, sinjali oxxeni, bil-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed hemmhekk jipproteġihom ... Il-pulizija ma kenux hemmhekk biex jipproteġu lilna, il-pulizija kien jużahom biex huma jagħmlu l-istorbju, huma jitfgħu l-ġebel, u jekk niċċaqilqu aħna jitfa' l-pulizija kontra tagħna. Mhux din l-akbar, imma. L-ikbar kienet meta l-istess Isqof ta' Għawdex, meta sar nofs inhar u konna għadna ma nistgħux nibdew dan il-meetinġ illi għalih konna tlajna fid-9.00 a.m., għajjat lil kulħadd taħt il-gallerija tiegħu - m'għandniex għalfejn nistaħbew wara subgħajna, ma kienx qiegħed jagħmel hekk waħdu, dan l-Isqof ta' Għawdex. Il-Kanċillier tiegħu kien dak illi huwa Arċisqof ta' Malta llum illi tant ukoll jitkellem fuq id-drittijiet tal-bniedem - ħareġ fil-gallerija jirringrazzja lill-poplu ta' Għawdex għall-għemil qalbieni illi għamlu f'dik il-ġurnata. Meta sar jaf, jien niftakar illi d-dmugħ ħariġlu minn għajnejh, Anton Buttigieg, illi tant kien iħobb gżiritu u tant ried illi permezz tal-Moviment Soċjalista lill-Għawdxin li huma fqar, li huma batuti, illi kienu injoranti jagħmlilhom il-ġid.

Niftakar ukoll, il-parti kbira u qalbiena illi ħa meta aħna, bħala Moviment illi veru ridna l-ħelsien għal Malta u mhux għal taparsi, konna qajjimna l-kwestjoni ta' Malta fil-United Nations. Dak iż-żmien ma kenux dawk illi llum tant jagħmlu storbju - u jien qiegħed insemmi lil Piccoli u dawn l-oħrajn - fuq drittijiet tal-bniedem illi kienu jitkellmu favur tagħna, imma kienu nazzjonijiet illi kienu jafu x'jiġifieri kolonjaliżmu u jafu kontra x'hiex konna qegħdin neħduha aħna meta erbat iqtates hawn Malta kienu qegħdin jeħduha kontra l-Imperu Ingliż. Toni Buttigieg kien wieħed minn dawk il-ftit li flimkien mal-President li għandna llum affronta sidru ġewwa l-United Nations, u fil-Political Committee fiehem b'liema qerq il-Gvern Ingliż kien qed jipprova jmexxi, f'dan il-kumitat, li Malta mhux veru trid l-indipendenza, li Malta ma tistax tgħix mingħajr il-Gvern Ingliż, li jekk ikun hawn l-indipendenza kulħadd imut bil-ġuh, eċċ., eċċ., eċċ., u għal dawn ir-raġunijiet kollha hu ma jistax jittratta lil Malta bħall-pajjiżi l-oħrajn.

Anton Buttigieg ta l-ikbar kontribuzzjoni tiegħu wkoll meta ġejna biex infasslu - l-ewwel mal-Gvern Ingliż - kostituzzjoni għal Malta. U kulħadd jaf li l-Gvern Inġliż qatt ma ried jagħti kostituzzjoni għal Malta li tixraq lil Malta, imma ried jagħmel kostituzzjoni għal Malta li biha hu jkollu l-mezz li jibqa' hawnhekk u jisfrutta l-pożizzjoni strateġika tagħha. Is-sehem tiegħu tah dak iż-żmien, tah bil-qawwa kollha, tah bl-aktar mod qalbieni, u jekk ma rbaħniex dik il-battalja żgur servietna biex imbagħad nagħmlu l-battalja l-oħra ta' wara l-1971 biex dak illi ma sax fl-1964 għamilnih xorta waħda fl-1974, meta flimkien fassalna minn dan il-Parlament il-Kostituzzjoni Repubblikana illi għal Anton Buttigieg tibqa' l-akbar monument f'pajjiżna.

Toni Buttigieg kien ukoll bniedem ta' karattru sentimentali. Jien niftakru bħala ħabib, ma kienx hawn wieħed fidil aktar minnu. Jekk kien hawn wieħed illi jien kont niċċajta miegħu l-ħin kollu kien huwa. Kien wieħed illi b'kelma tifqgħu u b'kelma ddawru għaliex kien sentimentali ħafna, pero' kellu qalbu tajba immens. L-ikbar ferħ tiegħu kien meta kien jara lil ħaddieħor ferħan. Jien nista' ngħid illi barra li l-Moviment tagħna tilef pilastru Soċjalista, jien ukoll tlift ħabib kbir, pero' għandi l-konsolazzjoni illi huwa baqa' jagħti dak kollu li żejnitu bih in-natura. Iktar minn hekk ma setax jagħti u l-poplu Malti ħaġa waħda jista' jieħu biss minn dak li għad fadal, it-tifkira ta' l-għemil tiegħu u l-eżempju li ta lil kulħadd. (Onor. Membri: Hear, hear) (Applaws)

MR SPEAKER: L-Onor. Eddie Fenech Adami.

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, nixtieq nissekonda l-mozzjoni illi għamel il-Prim Ministru biex il-Kamra taġġorna għal għada b'sens ta' rispett u qima għall-ex-President Buttigieg li ħalliena.

Ċertament, Mr Speaker, Malta tilfet wieħed mill-protagonisti ta' l-Istorja riċenti tagħha. Dr Buttigieg kellu parti importanti fl-iżvilupp politiku u kostituzzjonali ta' dawn l-aħħar 30 sena. Kellu parti importanti fiż-żmenijiet ħamsin - kif għadu kif fakkar il-Prim Ministru - meta fi ħdan il-Partit Laburista l-ewwel ħa parti importanti biex jitfassal żvilupp, li dak iż-żmien kien jemmen fih hu, kostituzzjonali ta' integration ma' l-Ingilterra u wara wkoll ta l-kontribut tiegħu, kif fehem li kien l-aħjar - jien persważ mis-sinċerita' tiegħu dak iż-żmien kif fi żmenijiet oħra wkoll - fiż-żmien meta kienet qed tiġi ppreparata l-Kostituzzjoni ta' l-Indipendenza għal pajjiżna. Bħala Malti kien feraħ għall-akkwist ta' dik l-indipendenza u fakkar dak il-jum memorabbli b'waħda mill-poeżiji sbieħ tiegħu.

Kompla jagħti l-kontribut tiegħu mhux biss bil-preżenza tiegħu bħala Deputat f'dan il-Parlament, imma b'mod forsi aktar dirett minn uħud minna stess ... Jien niftakru jipparteċipa, jagħti l-kontribut siewi tiegħu biex intlaħaq ftehim għall-emendi tal-Kostituzzjoni ta' l-Indipendenza fl-1974, dak iż-żmien, meta l-pajjiż kellu l-biża' ta' firda, ta' nuqqas ta' ftehim li seta' ġab konsegwenzi koroh. Jien niftakar għax kont preżenti fid-diskussjonijiet kollha li saru bejn iż-żewġ naħat kemm Dr Buttigieg fil-fatt ikkontribwixxa biex finalment intlaħaq il-ftehim.

Wara, Mr Speaker, kompla jaqdi dmiru lejn pajjiżu meta ġie elett it-tieni President tar-Repubblika u pprova jaqdi dmiru billi jaġhti l-istatura xierqa lill-President tar-Repubblika, il-President tar-Repubblika li ġhandu jkun hu r-rappreżentant tal-poplu Malti kollu mingħajr distinzjoni ta' kuluri politiċi. Jien niftakar meta aħna stedinnih, is-Segretarjat tal-Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista, biex jippresjedi fl-għoti ta' l-ewwel darba li ġie organizzat premju għall-Ħaddiem tas-Sena. Hu ġentilment kien aċċetta f'dan l-ispirtu biex juri ... U niftakar id-diskors sabiħ li għamel dak inhar, diskors għall-għhaqda fost il-poplu Malti, diskors li jheġġeġ lil kulhadd ihobb lil pajjiżu, naturalment bid-diviżjonijiet neċessarji ta' opinjonijiet politiċi, imma f'għaqda waħda ta' imhabba lejn art pajjiżna.

Dr Buttigieg, jien rajtu l-isptar xi ġimgħa u nofs qabel ma miet. Kien evidenti li ħa pjaċir li jien mort narah, esprimejtlu s-sentimenti tiegħi u ta' sħabi kollha, dak iż-żmien xtaqtlu li jerġa' jsib saħħtu, imma hu stess qalli li kien qed iħoss li qed joqrob il-mument finali ta' ħajtu.

Dr Buttigieg kien bniedem li naturalment, bħalna lkoll, bħali l-ewwel wieħed, kellu difetti tiegħu, kultant bħali u bħal kulhadd forsi ntilef fid-diskors anke f'din il-Kamra, pero' żgur li kienu jispikkaw fih il-karatteristiċi verament ta' umanita'. Is-sentiment tiegħu, meta l-affarijiet jikkalmaw, kienu dejjem ta' bniedem li kellu ideal u li kellu twemmin, twemmin li ġabar hu stess f'dik il-poeżija sabiħa li ġiet stampata kif kitibha hu, bil-kalegrafija tiegħu stess fuq il-memorja li tqassmitilna waqt il-quddiesa tiegħu nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-poeżija li jisimha ''Is-Salib'' li fiha Anton Buttigieg wera li jifhem x'inhi l-ħajja, it-toqol tal-ħajja, is-salib tal-ħajja, li kull wieħed minna jrid iġorr jekk verament irid jaqdi dmiru lejn pajjiżu. U f'dik il-poeżija joħroġ verament Anton Buttigieg li kellu ħajja mhix faċli, kellu ħajja li fiha ġarr slaleb kbar, fil-kamp politiku u fil-kampijiet soċjali, pero' ma tilifx l-ideal ewlieni, l-ideal li verament jispira ruħu mit-twemmin tiegħu, it-twemmin li żamm, it-twemmin nisrani li fis-salib, billi nġorru lkoll is-salib tagħna nistgħu verament naqdu lil pajjiżna kif inhu d-dmir tagħna.

Jien, Mr Speaker, minbarra li naġġornaw il-Kamra b'sinjal ta' rispett - diġa' qdejna personalment ilkoll dmirna billi pparteċipajna fil-funeral statali li kien jixraqlu - naħseb li jkun tajjeb ukoll li inti, f'isimna, twassal il-kondoljanzi tagħna lill-armla tiegħu u lil uliedu. (Onor. Membri: Hear, hear) (Applaws)

MR SPEAKER: Is-Sedja tassoċja ruħha ma' dawn il-kondoljanzi kif espressi, u nwiegħed lill-Kamra li nkun jien personalment li nwassal lill-membri tal-familja ta' Anton Buttigieg dawn il-kondoljanzi.

L-Onor. John Buttigieg.

ONOR. JOHN BUTTIGIEG: Mr Speaker, nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru, nixtieq nirrinġrazzja lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni u anke lilek għall-kondoljanzi li għadkom kemm wassaltu lill-familja tagħna u anke għall-kliem sabiħ li intom għoġobkom tgħidu fuq missieri.

Illejla, Mr Speaker, l-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru talli għoġbu jonora u jqim lil missieri billi jagħtih funeral statali. Jien naf kemm il-Prim Ministru segwa mill-qrib lil missieri fl-aħħar marda tiegħu u ta' dan għandu l-apprezzament tal-familja tagħna. Nhar il-Hadd l-1 ta' Mejju l-Prim Ministru bagħatlu l-isptar bukkett fjuri. Missieri emozzjona ħafna ruħu u esprima miegħi li huwa wkoll xtaq ikun magħna ġewwa l-Belt Valletta jiċċelebra l-festa ta' Jum il-Ħaddiem, dak il-ħaddiem li hu tassew ħadem għalih u tant kien iħobb.
Jien ukoll inħossni fid-dover li nirringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex jorganizzaw dan il-funeral li tassew kien dinjituż u maestuż: Lill-Ministru Sant għall-kontribuzzjoni u l-parteċipazzjoni tat-Task Force, tal-Land Forces u tal-Pulizija; lill-Ministri l-oħrajn, lill-Ministru Cassar u lill-Ministru Sceberras Trigona, lid-DOI, lil Xandir Malta għal coveraġe li taw fuq it-television. Ma rridx ninsa lill-Ministru Moran għas-servizz nobbli li taw il-medical u n-nursing staff lil missieri meta kien f'St Luke's Hospital. Aħna tal-familja ma għandniex kliem biex nirringrazzjaw lil dawn in-nies ta' dak kollu li għamlu ma' missieri. Ma rridx ninsa wkoll lill-High Commissioner u lill-istaff ta' l-Ambaxxata tagħha ġewwa Londra ta' dak kollu li għamlu ma' missieri meta huwa kien għal xi żmien rikoverat fir-Royal Marsden Hospital ġewwa Londra.

Biex ngħid ftit fuq missieri, jien li missieri nafu bħala bniedem fil-politika kien gladjatur, fl-arena politika kien wieħed li jaf jiġġieled, pero' dejjem jasal safejn għandu jasal. Kien uman, kellu qalb tad-deheb u fuq kollox kellu qalb ta' poeta, qalb li taf tħobb u li taf tagħder. Il-poeżiji sbieħ li kiteb jibqgħu magħna u ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni ta' Maltin jibqgħu jitfarrġu, u tferraħhom il-poeżija sabiħa tiegħu ... Anton Buttigieg miet imma l-poeżija tiegħu ma tmut qatt.

Mr Speaker, missieri kien bniedem li jemmen fid-demokrazija, mhux biss jemmen imma kien jipprattikaha d-demokrazija. Kien jirrispetta l-opinjoni ta' kulhadd, kien bniedem tolleranti, iħobb lil kulħadd u jieħu in konsiderazzjoni l-opinjoni ta' kulħadd anke taż-żgħir. Kien wieħed mill-arkitetti tal-Kostituzzjoni, li hija mibnija fuq ix-xogħol u fuq il-libertajiet tal-bniedem; il-liberta' tal-kelma, il-liberta' tal-kuxjenza u l-liberta' ta' l-Istampa. Ħadem ħafna wkoll missieri biex Malta ssir libera mill-kolonjaliżmu Inġliż. Bata u qala' fuq wiċċu fil-ġlieda biex pajjiżna jakkwista l-ħelsien.

Għadni niftakru jien il-Qorti jiddefendi lil dawk il-Laburisti li l-Ingliżi pproċessaw fl-irvellijiet tat-28 ta' April, 1958. Naf kemm għamel għalihom, kienu jiġu d-dar għandna l-uffiċċju - kont għadni tifel - u naf x'ġħamel għalihom, kemm ħass għalihom u kemm ħadem għalihom biex jiddefendihom fil-Qrati tagħna. Mr Speaker, bħala President missieri wkoll iddistingwa ruħu billi pprova jgħaqqad lill-poplu. Din kienet il-karatteristika tal-presidenza ta' missieri, li mhux jifred imma jara li l-poplu Malti jkun wieħed magħqud, li aħna l-Maltin ngħixu flimkien bħall-aħwa.

Biex nispiċċa, Mr Speaker, meta titlef missier bħal dan, mhux faċli li titfarraġ imma sibt ħafna faraġ u sabar meta qrajt poeżija li kiteb hu meta mietlu missieru, poeżija li jekk jirnexxieli, għax emozzjonat hafna, nipprova naqraha in memorja tiegħu. Din tġhid hekk:

''Minn mindu mitt
Kull meta ngħid Missierna
Li Inti fis-smewwiet
Inħoss il-faraġ
Iżjed mis-soltu
Għax naf li fis-smewwiet
Jgħassuni sewwa
Hemm żewġ missierijiet,
Alla l-Missier u int,
It-tnejn iċarċru demmhom għalija.''.

Onor. Membri: Hear, hear (Applaws)

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet Parlamentari - 21.06.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ta r-rizenja tiegħu mill-Parliament:

Maħtur President ta' Malta fis-27 ta' Diċembru 1976

- 14.10.1976
Karigi
Ministru tal-Ġustizzja, Artijet, Djar u Affarijiet tal-Parlament - 24.09.1976
Waqqaf: 15.10.1976