Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Mr Joseph M Sciberras

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (29 Nov 1987)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 44 tat-30 ta' Novembru 1987

KONDOLJANZI

ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Intern u tal-Ġustizzja): Sur President, kif taf il-Kamra - pero' jien formalment qed nagħti avviż - il-kollega tagħna, l-Ispiżjar Joe Sciberrras ġie nieqes il-bieraħ. Allura nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada bl-istess agenda li hemm diġa' avżata, bil-Mozzjoni dwar il-Ksib tal-Bills tat-Teżor ta' Malta tidher bħala l-item wara dawk iż-żewġ mozzjonijiet ta' proċedura diġa' avżati. Pero' fuq dan il-kontest hemm diġa' ftehim mal-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

Sur President, pero' l-iktar ħaġa li jidhirli llum nixtieq nitkellmu hwa dwar il-kollega tagħna li għal tant snin għixna flimkien. Il-Parlament hu post normalment ta' diskussjonijiet, ħafna drabi ta' konfronti, xi minn daqqiet ta' dissidji. Pero' fatt li ħafna drabi huwa minsi minn diversi nies li forsi ma jafuniex biżżejjed - ma jafuniex biżżejjed qed ngħid għall-membri tal-Parlament bħala entita' - huwa kif anke f'dan l-ambjent neċessarjament ta' element ta' kontestazzjoni jiżviluppa sens kbir ta' leata' u ta' ħbiberija, lealta' u ħbiberija li tiddependi ħafna drabi fil-karattru, mill-andament, mill-istil, mill-atteġġjament li jkollu kull wieħed minn bħala karatteristika tiegħu.

L-Ispiżjar Sciberras kien bniedem li bil-karattru simpatiku tiegħu u bis-sens pożittiv kif jipprova jirriżolvi ħafna mill-problemi li jinqalgħu, kien Deputat li kellu l-istil li minflok ma jbiegħed persuna mill-argumentar tiegħu, minflok ma joħloq klima ta' dissidenza, minflok ma joħloq klima ta' konfront kellu l-istil li jipprova javvanzalek il-ħsieb tiegħu b'mod pożittiv, b'mod koerenti fl-istess ħin mal-politika li hu jħaddan u f'ebda aspett ta' kull intervent tiegħu f'dan il-Parlament - u ilu jirrappreżenta d-distrett tiegħu mill-1971 - f'ebda ħin ma jipprova jdaħħal la element ta' astju u lanqas element ta' ostilita' personali. U din hija kwalita' li f'Joe Sciberras kienet ċertament tikkrea favur tiegħu klima ta' ħbiberija. Jien kelli vantaġġ, Sur Presdient, forsi fuq xi Membri oħrajn ta' din il-Kamra li flimkien ma' kollegi oħra, sifirna flimkien diversi drabi. Sifirna flimkien mal-Commonwealth Parliamentary Association, niftakar konna jien, Dr Moran, Joe u ħaddieħor ġol-Malawi. Hemm vantaġġ meta nsiefru flimkien, Sur President, il-vantaġġ forsi li nneħħu ftit mill-inibizzjonijiet li neċessarjament jinformaw ruħhom fuqna meta nkunu hawn Malta. Ikollna l-vantaġġ li nkunu flimkien għal ħafna ħin itwal, ikollna wkoll il-vantaġġ li ħafna drabi tiġbed ħabel wieħed ġol-post fejn tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżek u anke forsi tħossok aktar Malti meta tkun qiegħed barra minn pajjiżek. Niftakar f'dawk il-ġranet flimkien nitkellmu fuq problemi tal-famija tagħna, nitkellmu fuq problemi li kull wieħed minn għandu fil-kontest ta' daru u nitkellmu anke fuq il-ħolm li nkunu kull wieħed minn għandna lejn pajjiżna. Noħolmu fuq pajjiżna, ħafna drabi, Sur President. U f'dawk il-ġranet li qattajna flimkien ġol-Malawi u aktar tard dak il-ħafna żmien li qgħadna flimkien ġewwa Strasbourg - għax Joe kien ukoll rappreżentant ta' Malta tal-Parlament Malti ġol-Kunsill ta' l-Ewropa - ikkreajna sens ta' djalogu fl-aktar aspett pożittiv tal-kelma "djalogu" li konna naraw kif flimkien, anke meta kellna problemi ta' kontestazzjoni politika bejna - il-grupp li jirrappreżenta, allura aħna l-Oppożizzjoni u l-grupp li jirrappreżenta lill-Gvern - konna b'xi mod nipprovaw insibu l-kif u l-mod biex nevitaw li jkun hemm xi atteġġjament frontali fil-konfront ta' xulxin. U kellu din l-arti Joe. Kellu din l-arti li jiġi jsibek f'kuridur, jiġi jkellmek u jgħidlek: Imma Guido, mhux aħjar din nipprovaw induru magħha b'dan il-mod, ma jkunx forsi aktar għaqli li forsi nieħdu ħsieb li nittrattawha hekk? U dan l-istil li kien diffiċli li tgħidlu le, l-Ispiżjar Sciberras kien jaf jadottah u jadoperah b'majestrija u forsi katar minn kollox b'naturalezza. Niftakar ukoll, meta kien hemm il-kwestjoni tar-rappreżentanza tagħna fil-Kunsill ta' l-Ewropa. Dik il-ħabta Joe kien ira-rappreżentant permanenti ta' Malta fil-Kunsill ta' l-Ewropa u niftakar li jien kont qed nadopera ruħi flimkien ma' kollegi oħrajn biex ir-rappreżentanza sħiħa u bla xkiel tal-Parlament Malti fil-Kunsill ta' l-Ewropa ssir, u ssir bla dewmien u bl-iktar mod effettiv possibbli. Naturalment l-Ispiżjar Sciberrras kellu d-doveri tiegħu bħala l-partovuċi tal-Gvern fil-Kunsill tal-Ministri u tad-Deputati tagħhom. Pero' dejjem kont nifhem, dejjem kont nirrealizza, dejjem kont napprezza illi kontabilment mad-doveri tiegħu kien qiegħed jagħmel minn kollox biex iwassal għal dik it-triq tal-ftehim li effettivament konna wasalna għaliha li b'riżultat tagħha Malta rriprendiet il-post tagħha fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa hawn u kellna diskussjoni miegħu anke fil-Parlament, Joe kien jistennieni wara li spiċċajna aħna u ġie jistaqsini: "Guido, irranġajtu? Sibnieha l-formola t-tajba? Irranġajna b'mod biex id-Delegazzjoni Parlamentari Maltija fi Strasbourg terġa' tmur f'postha? u dan kien Joe Sciberras.

Joe Sciberras kien jikkontesta l-istess distretti li fihom jien nikkontesta. Qatt ma naf jien, Sur President, illi kellna xi dissidju bejnietna. Qatt ma naf li kellna xi problema benjietna. Qatt ma naf li kien hemm xi inkwiet bejni u bejnu kif ħafna sfortunatament ġieli jiġri bejn kandidati ta' partiti opposti fl-istess distrett elettorali. Xejn minn dan.

Meta Joe Sciberras laħaq Segretarju Parlamentari huwa ddedika ruħu għax-xogħol li ġie mpenjat fih l-enerġija kollha tiegħu. Niftakar għall-bidu ta' din is-sena kien jeħtieġlu jkun rikoverat l-isptar. U naturalment, bħala ħbieb - ilna ħbieb dawn is-snin kollha - mort narah biex nawguralu fejqan ta' malajr. U qalli illi nkwetat f'ċertu kontest kemm illi din il-marda ġietu fl-aqwa tax-xogħol tiegħu u kellu l-problema prinċipali tal-provvista ta' l-ilma għall-pajjiżna u kemm anke viċin il-kampanja elettorali. Pero' kien dejjem fiduċjuż. Kellu s-sens dejjem ta' l-ottimiżmu. Mhux l-ottimiżmu irreali imma l-ottimiżmu ta' bniedem simpatiku, prattiku u jixtieq li l-affarijiet isiru sew.

Din hija l-memorja li kull wieħed minna għandu jkollu ta' Joe. Memorja ta' kollega ħabib, memorja ta' kollega illi għamel kulma seta' biex lil pajjiżu, skond il-fehmiet tiegħu, iġibu 'l quddiem, ċertament bniedem li ġab ruħu dejjem ta' galantom fil-Kamra.

Sur President, għan-nom tal-Gvern, lis-Sinjura Sciberras, lit-tfal tiegħu, lill-papa' tiegħu, lil ħuh il-Perit Sciberras u lill-familjari tiegħu, nixtieq nesprimilhom is-sens tagħna ta' kondoljanzi, is-sens ta' dispjaċir tagħna u jien konvint li fil-funeral ta' għada l-preżenza tal-membri tal-Parlament tkun xhieda tar-rispett kbir li dan il-Parlament dejjem żamm għall-Onor. Joseph Sciberras.

ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: L-Oppożizzjoni tapprezza l-pass tal-Gvern u nitlob l-aġġornament tal-Kamra b'sinjal ta' rispett għall-Onor. Joseph Sciberras. L-Oppożizzjoni wkoll ma topponix li l-agenda għandha tinbidel, ma tibqax tal-lum u tidħol fiha wkoll il-mozzjoni li l-Viċi Prim Ministru kien beħsiebu jinkludi fl-agenda ta' għada, ħaġa li ma jistax jagħmel għax normalment meta jiġri hekk, l-agenda tas-seduta ta' wara tkun l-istess agenda tas-seduta li tiġi differita.

Il-Partit tal-Ħaddiema tilef suldat ta' l-azzar, wieħed minn dawk il-51,000 suldat ta' l-azzar illi fis-sittinijiet affrontaw il-persekuzzjoni reliġjuża-politika, qalila, u baqgħu sodi fit-twemmin tagħhom reliġjuż u politiku. Joe Sciberras, kien wieħed attiv fid-disrett tal-Ħamrun qabel ma ħareġ bħala kandidat, u għalhekk bħal dwk kollha li batew fis-sittinijiet hu wkoll bata l-persekuzzjoni u l-ostilita'. Illum tajjeb li kull min b'xi mod għex fis-sittinijiet, kemm jekk ħa parti naħa, kemm jekk ħa parti n-naħa l-oħra, dawk is-snin jibqax iffakkarhom ħalli jkunu tagħlima għall-poplu kollu, għall-ġenerazzjonijiet futuri, kemm pajjiż jista' jkun ingranat ma' parti mill-poplu meta jkun intolleranti.

Joseph Sciberras ħadem ħafna fil-Partit tal-Ħaddiema u ħadem wkoll ħafna meta laħaq Deputat ta' din il-Kamra. U x-xogħol tiegħu kien b'xortih ħażina, dejjem jiltaqa' ma' problemi li kienu aktar minn dawk li wieħed normalmet jistenna. Bħala rappreżentant Permamenti ta' Malta fil-Kunsill ta' l-Ewropa, bħala ambaxxatur ta' Malta fil-Kunsill ta' l-Ewropa missitu x-xorti li jkun f'dak iż-żmien meta kien hemm diżgwid ikkaġunat mill-attentati li kienu jsiru minn forzi reazzjonarji barranin biex jintromettu ruħhom, jidħlu fi ħwejjeġ interni ta' pajjiżna, assistiti, inkoraġġiti, minn elementi f'pajjiżna illi misshom kienu jafu aħjar li meta int tħammeġ l-isem u d-dehra ta' pajjiżek barra minn pajjiżek, imbagħad trid iż-żmien u sforzi kbar biex tnaddaf dik il-ħsara li tkun għamilt lill pajjiżek. Joe Sciberras messu jokkupa dawk il-karigi li semmejt f'dawk is-snin meta ma kienx hemm ħbiberija u relazzjonijiet tajba bejn il-Gvern Malti u l-Kunsill ta' l-Ewropa. Huwa bata personalment minħabba dak l-inkwiet u stinka kemm felaħ biex ir-rapporti r-relazzjonijiet bejn il-Gvern Malti u l-Kunsill ta' l-Ewropa jerġgħu jiġu għan-normal. U ġew għan-normal wara li ż-żewġ naħat tal-Kamra aċċettaw u ftehmu li jkunu kemm ikunu kbar id-differenzi ta' bejnietna, tkun kemm tkun ħarxa il-ġlieda politka lokali, dawk id-differenzi u dik il-ġlieda m'għandniex nesportawhom f'forum internazzjonali. Għax meta nagħmlu dan inkunu qed nagħmlu ħsara lil pajjiżna.

Joe Sciberras messu wkoll jokkupa l-kariga ta' President tal-Kummissjoni ta' l-Edukazzjoni Ogħla jew Commission for Higher Education fi żmien meta b'inizjattivi tal-Gvern Soċjalista kienu qed isiru tibdiliet kbar fit-tagħlim terzjarju f'pajjiżna. Huwa għadda minn maltemp kbir biex ikun jista' jwettaq dawk it-tibdiliet illi fihom kien jemmen il-Partit tal-Ħaddiema - għadu jemmen iktar milli kien - illi kienu ta' benefiċċju kbir għaż-żgħażagħ Maltin, kienu ta' siwi kbir għal pajjiżna u llum qed narawhom jiddgħajfu. Imma huwa għamel minn kollox biex minkejja l-oppożizzjoni akkanita u ma taqta' xejn minn elementi li ma ridux li siru dawk ir-riformi, igħin biex dawk ir-riformi jidħlu u jitwettqu fil-qasam terzjarju ta' l-edukazzjoni.

It-tielet każ li wieħed jista' jsemmi fejn Joe Sciberras kien marbut ma' żmenijiet diffiċli fix-xogħol tiegħu huwa l-każ ta' meta nħatra Segretarju Parlamentari b'responsabbilita' għall-ilma. Dan huwa qasam delikat, jaħraq, f'pajjiżna minħabba l-problema ta' provvista ta' l-ilma Malta u n-nuqqasijiet tagħna ta' xita u riżorsi oħra naturali ta' l-ilma. Malta kienet ilha tbati minn żmien, għadha tbati u l-problema jibqa' anke jekk nagħmlu sforzi kbar qabel ma l-poplu jiġi edukat fl-użu iktar modest u iktar għaqli ta' l-ilma. U l-poplu jrid jiġi edukat illi kull darba li jkun hemm ħsarat fil-provvista ta' l-ilma, huwa dmir ta' kulħadd illi jagħmel minn kollox biex dawk il-ħsarat jissewwew mal-ewwel mingħajr ħela ta' ilma. U l-poplu jrid iħallas flejjes kbar biex jassigura l-provvista ta' l-ilma baħar nagħmluh ilma tajjeb għax-xorb kif ukoll jekk il-poplu kif għandu dritt, jistenna illi jsiru t-tiswijiet u t-tibdiliet meħtieġa tal-konnessjonijiet u l-pipes, fil-mains ta' l-ilma ħalli jkun hemm distrubuzzjoni aħjar fil-provvista.

Joe Sciberras daħal għal dan ix-xogħol minkejja illi saħħtu kienet titlob illi xogħol bħal dan ma jagħmlux. Imma huwa daħal għalih bil-qalb u għamel minn kollox biex jagħti l-għajnuna tiegħu ħalli titjieb il-provvista ta' l-ilma. U l-iktar ferħ tiegħu kien meta x-xogħol li għamel, speċjalment fit-tiswija tal-ġibjuni, ir-reservoirs, ir-riżerva ta' l-ilma kienet telgħet iktar milli kienet fi żmenijiet paragunati mas-snin ta' qabel. Għalhekk f'kull xogħol li ingħata fil-qasam politiku, Joe Sciberras mhux biss ħadem imma wkoll bata u sofra minħabba d-diffikultajiet illi ħabbat wiċċu magħhom.

Jidhirli li kieku wieħed kellu jagħżel bħala, tifkira ta' Joe Sciberras ma jsibx waħda aħjar mix-xogħol illi għamel, forsi mhux fil-kamp tiegħu, imma li kien ħafna marbut ma' qalbu, it-twaqqiegħ ta' dak il-bini ikraħ tat-Torpedo Depot illi kien hemm fl-Imsida aħna u sejrin tal-Pieta'. Kienet missjoni personali tiegħu, ħass li għandha ssir mill-aktar fis. Meta hu sar Segretarju Parlamentari insista illi t-Torpedo Depot għandu jaqa' darba għal dejjem ħalli dak ix-xatt ta' l-Imsida li jagħti għall-Pieta' jisbieħ bil-mod kif illum qiegħed jitgawda kemm mill-poplu ta' l-Imsida kif ukoll dak tal-Pieta'. Jien inħoss li t-Torpedo Depot li kien, li llum huwa spjaġġa jew biċċa xatt li se tiġi ddedikata kif kienet del resto għall-yachts u dak il-ġnien li nbena fih u anke f'xi amenitajiet oħra jew faċilitajiet oħra li jistgħu jsiru f'dak il-post għandhom ikunu l-monument it-tifkira, ta' Joe Sciberras li hu tant insista biex isir u li ħafna mix-xogħol sar allavolja ma kienx xogħol tiegħu, barra mill-Public Works - ukoll bl-għajnuna tad-dipartiment li kien fdat f'idejh, jiġifieri d-Dipartiment ta' l-Ilma u d-Dipartimnet tal-Portijiet li għalih huwa kien ukoll responsabbli.

Għan-nom ta' l-Oppożizzjoni Soċjalista kien ningħaqad man-naħa tal-Gvern biex inwassal is-sogħba u d-dulur lill-għażiża martu, l-għeżież uliedu, lill missieru, lil ħutu u lill-membri kollha tal-familja. U nittama li wara t-taħbit ta' ħajtu, Joe Sciberras jixraqlu u jkollu l-mistrieħ ta' dejjem. (Onor. Membri: Hear, hear).

MR SPEAKER: Onor. Membri, is-Sedja ma tistax ma tassoċjax ruħha ma' ħafna mis-sentimenti sbieħ li ġew espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra fuq il-persuna ta' l-Onor. Joe Sciberras. Intqal ħafna kliem fuq ix-xogħol tiegħu parlamentari u fuq ix-xogħol tiegħu anke barra l-Parlamentari. Imma l-aktar ħaġa li kienet tolqotni f'Joe - u lil Joe ilni nafu ħafna iżjed minn mindu ilni f'dan il-Parlament għaliex Joe kien ħabib personali tiegħi u tal-familja tiegħi meta kien iservi ta' spiżjar fl-ispiżerija fejn inpoġġi jien ħafna snin ilu - u dejjem hu li kien jiġbidni u hija tifkira li ma ninsiha qatt, il-karattru tiegħu ferriħi u ċajtier. Kien jieħu kollox biċ-ċajt, għalkemm f'dak iċ-ċajt ikun hemm ħafna u ħafna ħsieb u ħafna u ħafna serjeta'.

Intqal li Joe ħadem u illi ħadem iżjed milli kien jiflaħ. Bosta drabi, jien ta' ħabib tiegħu personali u anke bħala tabib, kont niftaħlu għajnejh privatament u ngħidlu: "Joe, go slow, Joe bil-mod.". U hu jweġibni: "Imma, Jim, xi tridni nagħmel?". Kont niftaħlu għajnejh, imma milli jidher kien baqa' jinsisti illi jaħdem f'dak ix-xogħol li kien afdat lilu; dak ix-xogħol li dejjem wettaq b'sagrifiċċju personali ta' saħħtu u li ta lilu dak ir-riżultat li kien jixtieq.

Għalhekk, Onor. Membri, jien naħseb li għalkemm Joe ħalliena, aħna ma ninsewhx. U nuru li ma ninsewhx meta għada aħna nkunu numeriżu fil-funeral tiegħu biex nagħtuh l-aħħar tislima.

Jien issa nagħti ordni lill-Clerk biex iwassal lill-familjari tiegħu kollha mingħajr distinzjoni il-kondoljanzi taż-żewġ naħat ta' din il-Kara, tiegħi personali u ta' l-istaff kollu biex almenu l-familja tiegħu jkollha dak il-konfort li tgħid li almenu Joe mhuwiex se jintnesa. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

Il-mistoqsija hija li l-Kamra taġġorna għal għada, it-Tlieta, l-1 ta' Diċembru, fis-6.00 p.m. skond il-mozzjoni tal-Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Intern u l-Ġustizzja bl-agenda tal-lum. Those in favour? (Onor. Membri: Aye) Against? Agreed.

Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Kamra aġġornat fis-7.00 p.m.

 

Electoral History

It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 15.07.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 23.10.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 15.02.1982
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987