Tifkira
tal‑Ex Deputat Parlamentari
Francis Zammit Dimech
fil‑Kamra tad‑Deputati
Parlament ta’ Malta
23 ta’ Ottubru 1954 – 21 ta’ April 2025
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati bejn id‑9 ta’ Lulju 1987 u l‑1 ta’ Mejju 2017
Dott. Francis Zammit Dimech
bħala
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati
L‑Ewwel Diskors ta' Francis Zammit Dimech
fil‑Kamra tad‑Deputati
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 4 tal‑Erbgħa, 15 ta’ Lulju 1987
IS‑SITT LEĠIŻLATURA
INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD‑DISKORS TAL‑AĠENT PRESIDENT - KONTINWAZZJONI
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, nixtieq illi fl‑ewwel diskors tiegħi f’din il‑Kamra nittratta aspett wieħed li hemm fid‑Diskors li sar mill‑Aġent President, li hu l‑aspett tax‑xandir f’dan il‑pajjiż. Huwa fatt magħruf li l‑futur tad‑demokrazija f’kull pajjiż huwa dejjem marbut mas‑salvagwardji li jkollok biex fil‑pajjiż ikun hemm verament ix‑xandir ħieles. Għalhekk huwa xieraq li fid‑Diskors tal‑Aġent President insibu dan il‑kliem:
"M’għandux jitqies li Xandir Malta tifforma parti minn Telemalta, imma se jkollha statut formali li jagħmilha awtonoma, ħielsa minn indħil u direttivi ministerjali. Mhix se titħalla timxi fuq il‑linji politiċi partiġġjani li qabdet mill‑1975 ’l hawn. Il‑Gvern beħsiebu jippermetti l‑pluraliżmu fix‑xandir."
Forsi għalhekk tajjeb li wieħed fil‑qosor ifakkar lill‑Kamra x’inhi l‑pożizzjoni tax‑xandir illum.
Ix‑xandir f’Malta fl‑1975 sar monopolju assolut tal‑Gvern ta’ dak iż‑żmien. Wara li kien hemm dak li kien deskritt bħala sit‑down strike fir‑Rediffusion u din il‑Kamra riedet tara s‑sitwazzjoni li żviluppat minn dik is‑sitwazzjoni, l‑ewwel saret il‑liġi li kienet issejħet il‑Liġi tal‑Kunsill tal‑Emerġenza biex jitmexxa x‑xandir. Kienet hekk imsejħa “tal‑Emerġenza” għax verament il‑provvedimenti ta’ dik il‑liġi ma damux wisq fis‑seħħ. Però kienu damu biżżejjed biex diversi impjegati li kien hemm dak iż‑żmien max‑Xandir, kienu tkeċċew anke mingħajr raġuni ġusta mill‑Kunsill tal‑Emerġenza li kien waqqaf il‑Gvern Soċjalista ta’ dak iż‑żmien. Imbagħad kienet saret il‑Korporazzjoni Telemalta. Anke hawnhekk meta qed ngħidu li issa x‑xandir irid jinqata’ minn ħdan din il‑korporazzjoni, irid jiġi mfakkar li meta wieħed isemmi din il‑korporazzjoni qed nitkellmu fuq korporazzjoni suġġetta għall‑kontroll totali tal‑Gvern.
Nirreferi għal artikli 3 u 4 ta’ dik il‑liġi li apparti li l‑Ministru responsabbli mit‑telekomunikazzjoni kellu libertà assoluta jaħtar lil min irid, kellu wkoll il‑fakultà ‑ apparti li jaħtar għal kemm żmien irid ‑ li jekk u x’ħin jidhirlu li bniedem m’għadux tajjeb, jgħidlu: “Isma, tista’ titlaq” jew “inti għandek titlaq”. Jiġifieri lanqas il‑Gvern ma kien intrabat b’dik il‑liġi, li jekk bniedem jaħtru għal sitt xhur jew għal sena, iżomm it‑terminu tal‑ħatra tiegħu. Mhux hekk biss imma fejn dik il‑korporazzjoni kienet tiġi biex taħtar General Manager ‑ u allura dan huwa każ li kien jolqot il‑fergħa tax‑xandir fi ħdan it‑Telemalta ‑ hemmhekk skont artiklu 28(2) tat‑Telemalta Act, il‑korporazzjoni kien ikollha taġixxi wkoll taħt l‑approvazzjoni ministerjali.
Però wieħed irid jgħid ukoll li bħala stat ta’ fatt ‑ meta llum qed inħarsu li ssir din il‑firda mill‑Korporazzjoni Telemalta għall‑istruttura tax‑xandir ‑ għalkemm il‑Gvern preċedenti kien ħa ħsieb il‑miżuri kollha biex jeżerċita kontroll totali fuq l‑istrutturi tax‑xandir fil‑pajjiż, kien fil‑fatt qal li t‑Taqsima tax‑Xandir ma tkunx taħt il‑kontroll tat-Telemalta imma taħt id‑direzzjoni ta’ Ministru separat. Infakkar fil‑qosor fil‑kawża ‑ l‑aħħar waħda fil‑fatt li kellha ssir minn Dr Eddie Fenech Adami bħala Kap tal‑Oppożizzjoni kontra Maurice Mifsud Bonnici, dak iż‑żmien Chairman tat-Telemalta ‑ li punt prinċipali f’din il‑kawża kien biex jiġi stabbilit is‑sempliċi prinċipju li meta jkun hemm referenzi għalih fl‑aħbarijiet dan għandu jissemma b’ismu, għax Xandir Malta dak iż‑żmien anke dan kienet tqis li huwa xi privileġġ li jekk ma tkunx ordnata mill‑Qorti m’għandhiex tagħmlu! Iċ‑Chairman tat-Telemalta Corporation kien xehed li l‑Ministru responsabbli għall‑korpi parastatali kien tah direttiva verbali fejn qallu: Isma’, inti tindaħalx fil‑kwestjoni tax‑xandir. Naturalment dan kien sar mhux biex b’xi mod jonqos il‑kontroll minn fuq l‑istruttura tax‑xandir, imma biex ir‑responsabbiltà tkun lejn Ministeru ieħor.
Hawn irrid nieħu aspett ieħor tal‑politika tal‑Gvern il-ġdid rigward ix‑xandir. Fil‑fatt fil‑programm elettorali nsibu ‑ punt li diġà twettaq ‑ li għandu jkun hemm koperazzjoni sħiħa bejn ix‑Xandir, il‑Ministeru tal‑Edukazzjoni u l‑Università, kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra bħal dik li tipprovdi mezzi għall‑produzzjoni ċinematografika. Dan biex joħorġu prodotti ta’ kwalità wisq aħjar minn dawk preżenti. Mela hawnhekk il‑viżjoni għall‑futur hi li għandna nenfasizzaw darba għal dejjem ir‑rwol edukattiv tax‑xandir. Għandna ngħidu darba għal dejjem li l‑medjokrità trid tispiċċa u jrid ikun hemm promozzjoni ġenwina tat‑talent Malti, inkluż b’mod partikolari t‑talent żagħżugħ. Jekk għall‑mument nieħdu biss l‑aspett kulturali, wieħed ma jistax ma josservax li ilna ma naraw teledramm ta’ livell serju fuq l‑istazzjon televiżiv Malti. Ilna ma naraw ukoll produzzjonijiet lokali tal‑livell mixtieq. Għalhekk il‑Gvern il‑ġdid huwa impenjat li jara li din is‑sitwazzjoni titranġa bl‑aktar mezzi radikali u biex verament ikun hemm il‑promozzjoni tat‑talent Malti. Dan anke fi sfond lil hinn mill‑ambjent u mil‑limiti tal‑konfini ta’ pajjiżna billi, pereżempju, wieħed fl‑opinjoni tiegħi, għandu jerġa’ jikkonsidra l‑parteċipazzjoni f’avvenimenti Ewropej bħall-Eurovision Song Festival.
Naturalment, meta nsemmu l‑aspett edukattiv tax‑xandir ma nistgħux ninsew ukoll l‑aspett li dan huwa mezz kif iwassal l‑informazzjoni lill‑pubbliku. Meta jwassal l‑informazzjoni lill‑pubbliku jrid jagħmel dan bil‑mezzi awdjoviżivi kollha li huma għad‑dispożizzjoni tiegħu u li għandhom isiru għad‑dispożizzjoni tiegħu. Hawnhekk kellna l‑anomalija li l‑ftuħ ta’ dan il‑Parlament ma ġiex irrekordjat, lanqas bħala siltiet żgħar. Jien naħseb li din hija xi ħaġa straordinarja li avveniment nazzjonali bħal dan, minħabba l‑oppożizzjoni min‑naħa l‑oħra tal‑Kamra, ma kienx irrekordjat biex l‑aħbarijiet ikunu aktar viżivi. Intuża l‑argument li d‑dibattitu kellu jixxandar kollu, u kif nafu din il‑Kamra għaddiet mozzjoni li fiċ‑ċirkostanzi l‑aktar adattati u important kien li jkun hemm ix‑xandir dirett tal‑proċeduri tal‑Kamra. Il‑mozzjoni, forsi korrettement ukoll, tgħid li apparti t‑trażmissjonijiet live jista’ jkun hemm ukoll irrekordjar ħalli ċerti dibattiti jistgħu jkunu mxandra f’ħin differenti forsi anke f’forma ridotta, ċjoè li wieħed ikun kapaċi jagħmel eżerċizzju tajjeb ta’ editing.
Nixtieq li fuq dan is‑suġġett nikkwota ftit lil din il‑Kamra l‑prattika fl‑Ingilterra. Nikkwota mill‑BBC Handbook tas‑sena li għaddiet paġni 27‑29 li jittrattaw it‑taqsima ‘Broadcasting from Parliament’. Hawnhekk insibu referenza b’mod partikolari għal esperiment li kien sar fil‑House of Lords fl‑ewwel sitt xhur tal‑1984. Dan l‑esperiment, filwaqt li kien jinkludi li ċerti xandiriet kienu jingħataw direttament, kien jinkludi bħala l‑bażi prinċipali tiegħu li l‑cameras tal‑BBC u tal‑ITV setgħu jidħlu faċilment fil‑House of Lords, jirrekordjaw meta jidhrilhom huma u jxandru aħbarijiet tal‑andament tal‑House of Lords fl‑Ingilterra anke fil‑forom ta’ programmi editjati tajjeb u li naturalment ikunu jirriflettu l‑opinjonijiet kollha riflessi fil‑Kamra b’mod imparzjali. Għaliex qiegħed insemmi dan? Fid‑dinja moderna tal‑lum irridu nħarsu lejn dan it‑tip ta’ esperiment; għaliex filwaqt li l‑aktar dibattiti importanti probabbilment għandhom ikunu mogħtija live coverage, dan m’għandux ifisser li l‑kumplament tax‑xogħol parlamentari fil‑pajjiż għandu jkun prattikament injorat mill‑mezzi tax‑xandir u mhux irrapportat b’mod viżiv u b’mod li fil‑fatt inkunu qed niġġeneraw interess ferm akbar mill‑poplu kollu fix‑xogħol li aħna nagħmlu hawn ġew.
Fl‑Ingilterra eżempji ta’ dan huma programmi bħal “Today in Parliament”, “Yesterday in Parliament” u “This Week in Westminster”. Jekk inħarsu wkoll lejn stazzjonijiet oħra bħar‑RAI, insibu programmi jew servizzi bħal “Oggi in Parlamento” u programmi oħrajn. L‑enfasi finali hija fuq ġurnaliżmu serju u imparzjali għaliex ikun professjonali. U f’dan is‑sens ippermettili nikkwota wkoll parti mill‑agreement li għandha l‑BBC fl‑Ingilterra mal‑Gvern Ingliż ‑ nirreferi għal ‘Licence and Agreement’ tat‑2 ta’ April 1981 bejn il‑BBC u s-Secretary of State tal-Ingilterra. F’dan l‑agreement, fost affarijiet oħrajn, insibu dawn il‑preċiżi kelmiet:
“The Corporation shall broadcast an impartial account day by day prepared by professional reporters of the proceedings in both Houses of the United Kingdom.”
Kieku kelli, biex ngħid hekk, niġbed suġġeriment minn dan kollu li qed ngħid hawnhekk, huwa li naħseb wasal il‑mument li f’pajjiżna nkunu kapaċi bis‑serjetà - jekk mhux fuq bażi ta’ kuljum għall-inqas ta’ darba fil‑ġimgħa - nipproduċu programm b’tul ta’ massimu ta’ nofs siegħa, l‑aktar tliet kwarti li jkun ikopri l‑ewwel nett rapport adegwat tal‑opinjonijiet diversi u fil‑proporzjon li jkun espressi hawnhekk miż‑żewġ naħat tal‑Kamra matul dik il‑ġimgħa fil‑Parlament. Jekk ikun programm editjat b’mod serju u b’mod verament imparzjali jkun programm interessanti għax, li jkun hemm spjegazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida mressqa quddiem il‑Kamra tad‑Deputati, liġi li tkun għaddiet, u anke jagħti ħjiel ta’ dak ix‑xogħol li jkun hemm pendenti quddiem il‑Kamra għall‑ġimgħa ta’ wara. Huwa b’mezzi bħal dawn li wieħed għandu jippromwovi l‑interess fl‑andament u fix‑xogħol ta’ din il‑Kamra, apparti l‑okkażjonijiet straordinarji meta jkun hemm xandira diretta.
Sur President, nixtieq nirreferi għal prinċipji oħra li huma sagri għall‑Gvern il‑ġdid u li hemm referenza għalihom fid‑Diskors tal‑Aġent President u li huma inkorporati fil-Programm Elettorali tal‑Partit Nazzjonalista. Dwar il‑prinċipju ta’ l‑aċċess ħieles il‑Programm Elettorali jenfasizza li:
“Għandu jkun assigurat ukoll li jkun hemm aċċess kemm jista’ jkun miftuħ għall‑użu tal‑mezz televiżiv mill‑poplu bil‑parteċipazzjoni tal‑għaqdiet kollha interessati; li jkun rikonoxxut il‑prinċipju tal‑pluraliżmu fix‑xandir u li allura t‑talbiet għal stazzjonijiet televiżivi u stazzjonijiet radjofoniċi jkunu kkonsidrati fid‑dawl ta’ dan il‑prinċipju.”
U fid‑Diskors tal‑Aġent President nerġgħu nisimgħu l‑enfasi li dan huwa prinċipju li qed jiġi attwat. Qed insemmu l‑pluraliżmu; jekk wieħed isegwi l‑ġurnaliżmu tan-naħa l‑oħra, jista’ jinnota x’suġġerimenti jagħmlu l‑ġurnalisti Soċjalisti llum! Riċentement qrajna, per eżempju, is‑suġġeriment li l‑Partit Soċjalista għandu jpprepara ruħu biex ikun jista’ jmexxi stazzjon tax‑xandir. Wieħed allura jgħid li l‑Partit Soċjalista qed jagħraf li din hi d‑direzzjoni l‑ġdida li qed tingħata minn dan il‑Gvern ġdid. Din hi d‑direzzjoni l‑ġdida. Ma nistgħux ninsew li meta l‑Partit Nazzjonalista kien talab li jkollu l‑ewwel stazzjon privat tiegħu tar‑radju, f’din il‑Kamra kien hawn min qal: “Imma dawn iridu jiċċajtaw!” “Din ċajta kbira,” konna smajna dakinhar. It‑talba reġgħet ġiet affermata aktar minn darba u wasalna wkoll fil‑pożizzjoni li fil‑fatt kienet saret kawża kontra l‑Prim Ministru ta’ dak iż‑żmien biex jiġi stabbilit preċiżament dan il‑prinċipju li kien qed jiġi miċħud lil din in‑naħa, ċjoè li l‑libertà tal‑espressjoni fil‑pajjiż, li nsibu fil‑Kostituzzjoni, għandha tfisser fost affarijiet oħra wkoll il‑libertà li wieħed jikkomunika mhux biss bil‑ġurnali, mhux biss billi jmur jorganizza l‑mass meetings fejn irid u fejn javża, imma anke bil‑mezzi moderni tax‑xandir. U meta nsemmu din id‑direzzjoni l‑ġdida li l‑Gvern irid jagħti lil dan il‑pajjiż allura għandna għalfejn inkunu kburin għaliex għandna għalfejn ngħidu lkoll li s‑saħħa tagħna tiġi milli jkun hemm soċjetà informata sew, mhux milli jkun hemm il‑manipulazzjoni, xi forma ta’ brain‑washing u monopolju favur il‑Gvern.
Is‑saħħa tagħna għandha tiġi billi n‑nixxiegħa ħielsa tal‑informazzjoni ma tkun imfixkla qatt u qatt iżjed mill‑Gvern jew minn xi awtorità oħra. U s‑saħħa tagħna tiġi billi l‑poplu jkollu aċċess għall‑verità kollha. Għaliex fl‑aħħar mill‑aħħar aħna nemmnu ‑ u nemmnu dan bis‑serjetà ‑ li l‑poplu faċilment jiġġudika waħdu meta għandu l‑libertà tal‑informazzjoni fil‑pajjiż, li l‑poplu jkun kapaċi jasal għall‑konklużjonijiet il-ġusti meta ma jkun hemm ebda ostaklu għall‑verità. U dak huwa forsi wieħed mill‑egħżeż valuri li verament jispiraw lill‑Gvern il‑ġdid fil‑ħidma tiegħu għal dan il‑programm li għandna hawnhekk quddiemna, il‑ħidma politika tiegħu favur il‑poplu kollu, il‑ħidma li hija mnebbħa wkoll mir‑rispett totali għall‑verità li hija waħda mill‑egħżeż valuri fiha nfisha u hija waħda mill‑iktar valuri għeżież li jixirqu f’soċjetà libera u demokratika. (Onor. Membri: Hear, hear)
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 337 tal-Erbatax-il Leġislatura tal-5 ta' Mejju 2025
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (ONOR. ANĠLU FARRUGIA): Grazzi. Ngħaddu għall-kondoljanzi. Skont il-ftehim milħuq, illum fil-Kamra se jkollna l-kondoljanzi fir-rigward tal-mibki Dr Francis Zammit Dimech, li kien Aġent President ta’ Malta kif ukoll membru parlamentari u ministru għal diversi snin. Ħalliena fil-21 ta’ April 2025. Hawnhekk għandkom ukoll librett tal-ewwel diskors li kien għamel fil-ftuħ tal-Parlament tal-1987.
Insellem lin-nies preżenti; qed nara hawnhekk lil ħuh John, lill-Eks Speaker Michael Frendo, lis-Sur Pierre Lofaro u oħrajn.
Rimarki. Insejjaħ lill-Prim Ministru, l-Onor. Robert Abela.
ONOR. ROBERT ABELA (PRIM MINISTRU): Sur President, nirringrazzjak. Sinjuri familjari tal-mibki Francis Zammit Dimech, għażiż John. Mhux faċli tagħmel 30 sena bħala membru parlamentari. Li tagħmel 30 sena bħala membru parlamentari u li tkun għixthom kollha b’dekor hija xi ħaġa verament sabiħa. Nistqarr li lil Francis ma kontx nafu wisq waqt li kien membru ta’ din il-Kamra tar-Rappreżentanti; huwa ħareġ u dħalt jien. Imma kelli l-privileġġ li partikolarment fl-aħħar snin tiegħu bħala membru parlamentari konna ta’ sikwit naħbtu wkoll. Speċjalment bejn l-2013 u l-2017 mhux darba jew tnejn ħbatna fil-kurituri tal-qorti. Għalkemm ma kienx jagħmel wisq prattika ta’ litigation kien hemm numru ta’ okkażjonijiet fejn iltqajna hemmhekk u tkellimna wkoll.
Nemmen li l-karatteristiċi ewlenin li sawruh waqt li kien membru parlamentari u ministru kont tarahom ukoll fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu u fil-ħajja professjonali. Kien bniedem serju ħafna, integru u fuq kollox qatt ma ħabb il-konfront. Kien bniedem li fil-Kamra tad-Deputati dejjem jipprova jġib sens ta’ bilanċ, vuċi tar-raġuni, jevita stil konfrontattiv. Dik hija xi ħaġa li mhux faċli tagħmilha però naħseb li kienet waħda mill-iprem kwalitajiet tiegħu. L-istess fil-professjoni. Kien dejjem bniedem li jipprova jwassal għal ftehim jekk kien ikun possibbli. Dawn huma kwalitajiet li huma verament sbieħ.
F’dawn l-aħħar snin, partikolarment f’dawn l-aħħar xhur, sirna nafu iżjed lil xulxin. Ċajta ħelwa ta’ bejnietna kienet, u din jista’ jikkonfermaha John, li hu u Francis kienu jkunu dejjem flimkien imma politikament wieħed kien naħa u l-ieħor naħa oħra. Però kien hemm xi ħaġa bejniethom; l-imħabba li rajt bejniethom hija xi ħaġa li diffiċli tiddiskreviha. Il-bond b’saħħitha ta’ żewġ aħwa li kien hemm bejniethom kienet xi ħaġa li verament timpressjonak. Naf kemm din it-telfa hija kbira partikolarment għal John.
L-iktar li bdejt nitkellem ma’ Francis kien mindu nħatar bħala Aġent President tar-Repubblika. Kienet kariga li kienet għal qalbu ħafna u kien jaqdiha bl-aqwa mod fil-ftit okkażjonijiet li kellu biex jokkupaha. Kien jokkupaha b’orgolju kbir u b’sens ta’ kburija. F’dawn l-okkażjonijiet stajt nara li kien bniedem li verament iħobb lil pajjiżu. Kellu sens ta’ kburija lejn pajjiżu u sens ta’ kburija lejn il-kariga li ġie fdat miż-żewġ naħat biex jokkupa. Kienet xi ħaġa tabilħaqq għal qalbu.
Illum ngħid li dan il-pajjiż verament tilef ġentlom fil-politika. L-aħħar okkażjoni li kelli biex inkellmu kienet litteralment ftit sigħat qabel għalaq għajnejh għall-aħħar darba. Kien il-Ħadd filgħodu, ftit sigħat qabel ħalliena, meta mort inżuru fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC). M’għandniex xi ngħidu, kien batut - fil-fatt naf li lil min daħal warajja m’għarafhomx - però f’dak il-mument ta’ tbatija rajt lil Francis li dejjem kont naf. Tkellimna b’sens ta’ edukazzjoni kbira u staqsieni għall-familja tiegħi. Minkejja dik it-tbatija li evidentement kien għaddej minnha, dak is-sens ta’ edukazzjoni li kellu kienet xi ħaġa li lili verament laqtitni. Ħa pjaċir ħafna li mort inżuru. L-istess jien, ħadt pjaċir ħafna nkellmu dak il-ħin. Imbagħad ftit sigħat wara ħalliena minn din id-dinja.
Xtaqt li mhux biss nagħti tislima lill-familjari tiegħu f’dan il-mument diffiċli, imma nawguralhom ukoll il-kuraġġ u nagħtihom il-kondoljanzi tiegħi mill-ġdid. Dan il-pajjiż verament tilef persuna li naħseb li tajjeb nieħdu l-eżempju tiegħu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Partikolarment aħna d-79 persuna li għandna l-privileġġ li npoġġu f’din il-Kamra, għandna eżempju tajjeb lejn xiex inħarsu. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. BERNARD GRECH (KAP TAL-OPPOŻIZZJONI): Grazzi Sur President. Illum ġiet biex naqblu, Prim Ministru. Nikkondividi l-kliem li għadek kif esprimejt fuq l-għażiż Francis.
Francis kellu ħafna affarijiet għal qalbu. Bla dubju kellu għal qalbu n-nies u għalhekk probabbilment kellu għal qalbu l-politika, għax kellu għal qalbu n-nies. Kien bniedem innovattiv u kuraġġuż u rridu nirrikonoxxu li f’pajjiżna rnexxielu jagħmel rivoluzzjonijiet kbar anke meta kien laħaq ministru. Fil-fatt kulħadd jiftakar il-famuża l-ewwel telefonata bil-mobile! Inċidentalment illum huwa l-5 ta’ Mejju. Il-mobile number tiegħu, kif kien qalilna meta għamilnielu farewell fil-partit għaliex ma kienx se jersaq iżjed lejn il-partit minħabba li nħatar Aġent President, kien id-data ta’ meta huwa kien ġie infurmat li kien se jkun parti mill-Kabinett. Inċidentalment kien il-5 ta’ Mejju, bħal-lum. Kif kien qalilna dakinhar, dak in-numru ma bidlu qatt u baqa’ miegħu sal-aħħar, għaliex ried jibqa’ jkollu kuntatt man-nies.
Francis kien bniedem li ħabb ħafna wkoll ix-xandir. F’għajnejna, u naħseb f’għajnejn ħafna nies inkluż, nista’ nażżarda ngħid, in-naħa l-oħra, kien bniedem li kien espert fix-xandir. Fil-fatt anke l-ewwel diskors tiegħu kien proprju dwar kif ix-xandir irid ikun mezz li jwassal il-verità għand in-nies, ħalli n-nies ikollhom l-opportunità biex jgħaddu l-ġudizzju tagħhom dwar dak li jkun twassal lilhom. Fil-fatt meta sirt Kap, Francis kien Segretarju Ġenerali tal-Partit. Dakinhar jiena kont għadni fl-ewwel passi tiegħi fil-politika imma hu kellu sens kbir ta’ umiltà. Kien jitla’ kuljum l-uffiċċju tiegħi biex kull filgħodu niskambjaw ċerti ħsibijiet u kien ipoġġi quddiemi b’umiltà. Jien f’għajnejja kont nara ġgant politiku li meta kont ħafna iżgħar kont dejjem inħares ’il fuq lejh b’ammirazzjoni kbira kif kont inħares lejn ħafna politiċi oħrajn. Imma hu kien ipoġġi quddiemi b’umiltà għaliex kien jifhem li bħala Segretarju Ġenerali l-irwol tiegħu kien li jirrelata miegħi bħala Kap tal-Partit. Meta mbagħad ma baqax Segretarju Ġenerali kien baqa’ jassistina fejn jidħlu l-kawżi li kien ikollna quddiem l-Awtorità tax-Xandir. Dan kien jagħmlu bi preċiżjoni u bi preparazzjoni kbira. Hemmhekk kienu dejjem joħorġu l-kwalitajiet kbar tiegħu anke permezz tal-istudju li kompla jagħmel f’dan il-qasam.
Francis kien u jibqa’ bniedem ta’ rispett kbir, kien bniedem li jaf jirrispetta u bniedem li kellu mħabba kbira lejn pajjiżna. Kif qal il-Prim Ministru, il-ħatra tiegħu ta’ Aġent President kienet għalih il-quċċata tas-servizz tiegħu lejn pajjiżna. Fil-fatt b’dispjaċir kien għadu fil-kariga sal-aħħar mument. Ngħid b’dispjaċir fis-sens li m’għandix dubju li xtaq ikompli jservi anke f’dak l-irwol. Ma ninsa qatt il-ġurnata li għajjattlu biex ninfurmah li l-Prim Ministru u jien qbilna li se nkunu qegħdin nappuntaw lilu bħala Aġent President. Hu b’orgolju kbir fehem li se jkollu opportunità oħra biex jaqdi lil pajjiżna.
Sur President, l-aħħar kelma li se ngħid dwar Francis tirrigwarda kemm kien bniedem li kien joħroġ out of his way biex jgħin. Kif informawni, minjaf kemm-il darba fil-Parlament kienu jgħidulu biex jimla l-ħin, u mix-xejn kien iżid nofs siegħa jew siegħa diskors, u l-problema kienet tkun biex jieqaf! Però żgur li dak li kien jgħid u dak li kien jitkellem dwaru kien verament jemmnu u jwettqu.
Sur President, insellem il-memorja ta’ Francis. Jien kont immur narah regolarment kemm id-dar tiegħu kif ukoll l-isptar. Huwa b’dispjaċir kbir li fl-aħħar ftit ġranet ta’ ħajtu jien ma kontx Malta u ma stajtx immur narah. Però ħassejt li kelli nċempel lill-Prim Ministru biex ninfurmah, biex għall-inqas jilħaq anke jmur jarah hu. Ħadt pjaċir ħafna għal Francis li l-Prim Ministru mar jarah. Però anke sa ġimgħa u nofs qabel - l-aħħar li mort narah - u sal-aħħar drabi li kellimtu, kien għad fadallu ġo fih din id-determinazzjoni li jekk Alla jrid jirpilja u jkun aħjar, ħalli jibqa’ jaħdem għal pajjiżna. Inħoss li għallimna r-reżiljenza, għallimna r-rispett u għallimna l-imħabba kbira lejn il-pajjiż b’sens ta’ servizz, fuq kollox lejn il-kostitwenza, u li flimkien nistgħu naħdmu.
Aneddotu żgħir. Meta mbagħad morna nsellmulu fuq il-qabar, Dr Michael Frendo infurmani li l-ewwel kampanja għall-elezzjoni Francis u hu għamluha flimkien. Immaġina żewġ kandidati ġodda fuq l-istess distrett, se jikkontestaw għall-ewwel darba, u għamlu kampanja flimkien! Dak kien Francis. Għalhekk insellmulu b’din l-idea ta’ comradeship, ta’ persuna li taf taħdem ma’ ħaddieħor, ta’ persuna li mhix insigura u allura lesta li tesponi ruħha f’sens li tkun tista’ tgħin waqt li taħdem ma’ ħaddieħor.
Grazzi Francis. Grazzi f’isem dan il-Partit. Grazzi f’isem din in-naħa tal-Kamra. Ningħaqad ukoll mal-Prim Ministru u ngħid grazzi f’isem il-poplu Malti u Għawdxi. Nirringrazzja wkoll u nsellem lill-għeżież tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi, kemm mill-Onorevoli Prim Ministru u minnek Onor. Bernard Grech. Ili naf lil Francis minn meta dħalt fil-Parlament. Niftakar sewwa l-ewwel darba li ltqajna. Kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, kien espert fil-liġi tax-xandir. Fiż-żmien li kont Chairperson tal-Kumitat Permanenti tal-Abbozzi ta’ Liġijiet, bejn l-1996 u l-1998, kien hemm emendi jaħarqu. U Francis kien qalli: Jimporta nkellmek wara, Sur Anġ? Hekk kien jindirizzani. Kien tani ktieb li kitbu hu, f’forma ta’ teżi u qalli: “Li kont minnek hemm din l-emenda partikolari, taraha ftit. Jekk ma taqbilx miegħi ma jimpurtax, imma araha.” Kellu raġun. Kif qal il-Prim Ministru, dan għamlu b’dik l-umiltà u dik il-ġentilezza li kellu. Imbagħad wara ħdimna flimkien f’diversi okkażjonijiet.
Imbagħad kemm ili Speaker, kont waqqaft kumitat ad hoc biex nippreparaw biex tidħol il-liġi dwar l-awtonomija tal-Parlament u l-liġi tal-istandards fil-ħajja pubbliku, hu kien f’dak il-kumitat u konna għamilna ħafna xogħol.
Jien kont inkun is-SAMOC anke minħabba raġunijiet familjari, minħabba l-mara tiegħi, u sikwit kont ngħaddi nara lil Francis, u hemmhekk konna nagħmlu kuraġġ lil xulxin. L-aħħar darba li rajtu kienet ġurnata qabel ma miet. Fil-fatt qed nara lill-Onor. Karol Aquilina; kont kellimtu barra, staqsejtu jekk kienx ħiereġ minn hemmhekk u qalli: Anġlu, probabbli se jagħrfek imma mhux se jkellmek. U hekk kien. Ma kien hemm komunikazzjoni ta’ xejn. Bdejna nagħfsu idejn xulxin, u bil-mossi tiegħu beda jfehemni li kien qiegħed ibati imma fl-istess ħin kien trankwill u seren.
Memorja oħra hija ta’ meta konna flimkien il-Vatikan. Qed nara lil ħuh John. Niftakar li kien hemm ommok, Anne Marie. Konna morna għall-Ġublew 25 sena ilu u Francis kellu video camera – probabbilment ħadd aktar ma kellu video camera dakinhar – u beda jieħu l-filmati ta’ kulħadd. Fosthom ħa filmati tat-tifla tiegħi, għaliex kien hemm ftit tfal li telgħu ħdejn il-Papa Ġwanni Pawlu II. Allura mbagħad kulħadd jistenna l-video li ġibed Francis biex jara l-parti tal-filmat fejn kien jidher hu. Però wara hemmhekk konna mistednin xi mkien, jidhirli f’xi ambaxxata - ma nafx kenitx tal-Albanija - u din il-camera tiegħu sparixxiet. Serquhielu! Kont għedtlu biex indaħħlu l-pulizija però hu kien persuna li kemm jista’ jkun iżomm il-kwiet. Kont inkwetajt ħafna għalih u minkejja li huwa kien il-vittma, għax serqulu l-camera, ipprova jikkonvinċini li l-affarijiet m’għandekx teħodhom hekk. Irrid ngħid li kien ukoll bniedem metikoluż ħafna.
Fi żminijiet aktar riċenti minn dan li semmejt, konna viċin ukoll, bħal meta kien għamel sentejn jew tlieta fil-Parlament Ewropew u kien f’żewġ kumitati partikolari. Matul dak iż-żmien kemm-il darba kkollaborajna, tant li f’dan il-Parlament kienu anke ġew il-membri tal-kumitati li kien fihom u għamilna laqgħat magħhom. Kien persuna li nista’ ngħid li ħadt pjaċir naħdem viċin tiegħu fiċ-ċirkostanzi kollha li dejjem kont.
Jien ma stajtx nattendi għall-funeral għaliex dakinhar kelli intervent mediku, però bgħatt messaġġ lill-familjari. Jien inħossni onorat li kelli ċ-ċans narah ftit qabel ma miet. Ningħaqad mal-membri kollha tal-Kamra biex nagħti l-kondoljanzi lill-familjari. Insellem ukoll lill-Perit Ċensu Galea li qiegħed hawn ukoll. Irrid inwassal il-kondoljanzi lill-familja ta’ Dr Zammit Dimech u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex tibgħat traskrizzjoni ta’ dak li nqtal lill-membri tal-familja. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Ktejjeb maħruġ mill-Uffiċċju tal-Ispeaker b’tifkira tal-Eks Deputat Francis Zammit Dimech.
Ġie elett: | 04.07.1987 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.07.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |
Segretarju Parlamentari għat-Trasport u Telekomunikazzjonijiet - 05.05.1990 |
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992 |
Ġie elett: | 22.02.1992 |
Ġurament tal-Ħatra: | 04.04.1992 |
Xoljiment tal-Parlament: | 23.09.1996 |
Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni
- 27.02.1992
Waqqaf: 29.03.1994 |
Ministru għall-Ambjent
- 30.03.1994
Waqqaf: 28.03.1996 |
Xoljiment tal-Parlament: 23.09.1996 |
Ġie elett: | 26.10.1996 |
Ġurament tal-Ħatra: | 05.12.1996 |
Xoljiment tal-Parlament: | 03.08.1998 |
Ġie elett: | 05.09.1998 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.10.1998 |
Xoljiment tal-Parlament: | 10.03.2003 |
Ministru għall-Ambjent
- 08.09.1998
Waqqaf: 13.04.2003 |
Xoljiment tal-Parlament: 10.03.2003 |
Ġie elett: | 14.04.2003 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.05.2003 |
Xoljiment tal-Parlament: | 04.02.2008 |
Ministru tat-Turiżmu
- 15.04.2003
Waqqaf: 22.03.2004 |
Ministru għat-Turiżmu u Kultura - 23.03.2004 |
Xoljiment tal-Parlament: 04.02.2008 |
Ġie elett: | 12.03.2008 |
Ġurament tal-Ħatra: | 10.05.2008 |
Xoljiment tal-Parlament: | 07.01.2013 |
Ministru għall-Affarijiet Barranin
- 28.11.2012
Waqqaf: 13.03.2013 |
Xoljiment tal-Parlament: 07.01.2013 |
Ġie elett: | 11.03.2013 |
Ġurament tal-Ħatra: | 06.04.2013 |
Xoljiment tal-Parlament: | 01.05.2017 |