Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM)

It-Tlettax-il Leġiżlatura (2017 - )


Ex-Membri tal-Kumitat

Dwar id-Delegazzjoni

Mill-proċess ta’ Ħelsinki fl-1973 – li wassal għat-twaqqif tas-CSCE (Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa) – pajjiżi bħal Malta bdew jagħmlu enfasi qawwija fuq il-prinċipju tal-indiviżibilità tas-sigurtà u enfasizzaw bil-qawwa li l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa u fil-Mediterran kienu intrinsikament u indissolubbilment marbutin ma’ xulxin. Id-Dimensjoni Mediterranja, (magħrufa aħjar bħala s-CSCM – Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran) fi ħdan il-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida ffirmata f’Novembru 1990, hija sinonima għal Malta li sostniet sa mill-bidu nett tal-proċess ta’ Ħelsinki li ma jistax ikun hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fil-Mediterran. Sabiex tenfasizza l-importanza ta’ din id-dimensjoni u l-impenn tagħha lejn ir-reġjun, Malta laqqgħet numru ta’ seminars tas-CSCE/OSCE dwar il-Mediterran matul is-snin.

Wara seba’ Konferenzi Interparlamentari dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa bejn l-1972 u l-1991, l-Unjoni Interparlamentari (UIP) iddeċidiet dwar proċess simili fil-Mediterran u nediet il-proċess tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran (CSCM) taħt l-awspiċi tal-UIP u li tinkludi l-istati li jdawru l-Baħar Mediterran.

F’April tal-1990, waqt il-laqgħa tat-83 Konferenza tal-UIP f’Nikosija, riżoluzzjoni msejħa The Promotion of Peace and Security in the Mediterranean region in the light of developments in Europe and the new spirit prevailing internationally (Il-Promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran fid-dawl tal-iżviluppi fl-Ewropa u l-ispirtu l-ġdid prevalenti fuq livell internazzjonali) irrakkomandat li ssir Konferenza ta’ Parlamentari mill-Istati kollha tal-Mediterran sabiex jiddiskutu miżuri li jindirizzaw diversi oqsma ta’ kooperazzjoni. L-idea ta’ CSCM Interparlamentari ntlaqgħet b’interess u appoġġ mil-parlamentari minn madwar il-Mediterran. Għaldaqstant, l-UIP iddeċidiet li tniedi CSCM interparlamentari u nżammu laqgħat f’Malaga (Spanja) f’Ġunju 1992, fil-Belt Valletta (Malta) f’Novembru 1995, u f’Marsilja (Franza) f’April 2000.

Il-Konferenza ta’ Malaga kkonfermat il-prinċipji bażiċi tal-proċess u stabbilixxiet il-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-imsieħba Mediterranji; il-Konferenza tal-Belt Valletta affermat il-ħtieġa li l-proċess tas-CSCM jingħata bażi istituzzjonali solida, kemm fil-livell governattiv kif ukoll f’dak parlamentari, u rrakkomandat ukoll, fuq l-inizjattiva ta’ Malta, it-twaqqif ta’ Assoċjazzjoni ta’ Stati Mediterranji. Il-Konferenza ta’ Marsilja ħeġġet li għandha tkompli tittieħed azzjoni simultanja sabiex tiġi stabbilita struttura ta’ kooperazzjoni interparlamentari kif propost fid-Dokument Finali tat-Tieni Konferenza Interparlamentari dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran, bil-ħsieb li tinħoloq, fit-tul, Assemblea Parlamentari tal-Mediterran u tiġi stabbilita struttura interparlamentari kif propost fid-dokument tal-Belt Valletta (1995) li tgawdi minn status superjuri, biex b’hekk jiġi istituzzjonalizzat il-proċess tas-CSCM.

Frar 2005 saret ir-Raba’ u l-aħħar Konferenza tas-CSCM f’Nafplion, il-Greċja. Waqt dik il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati tal-Mediterran iffinalizzaw u adottaw l-Istatut tal-Assemblea Parlamentari u ddeċidew li jagħmlu l-ewwel laqgħa tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM) f’Amman, il-Ġordan, fl-2006.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-PAM fl-10 u l-11 ta’ Settembru tal-2006 f’Amman, il-Ġordan, Malta ntgħażlet b’mod unanimu sabiex tospita s-Segretarjat tal-PAM f’Palazzo Spinola ġewwa San Ġiljan.

L-għan tal-Assemblea Parlamentari huwa li tipprovdi lill-Mediterran b’forum parlamentari uniku għalih u li tlaqqa’, fuq l-istess livell, il-parlamenti nazzjonali ta’ pajjiżi mal-kosta u ġirien tal-Mediterran. L-Assemblea tindirizza kwistjonijiet ta’ tħassib komuni bil-ħsieb li jrawmu u jtejbu aktar il-fiduċja bejn l-Istati Membri, jiżguraw is-sigurtà, l-istabilità reġjonali u jippromwovu l-paċi. L-Assemblea taħdem ukoll sabiex tiżviluppa l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri billi tippromwovi d-djalogu politiku u l-ftehim ta' koperazzjoni fost il-parlamenti kkonċernati.

Il-PAM hija organizzazzjoni reġjonali interstatali u Osservatur fl-istrutturi tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fi żmien qasir, il-PAM saret l-attur prinċipali fid-diplomazija parlamentari fir-reġjun, u bl-impenn tagħha lejn il-prinċipji bażiċi u l-Karta tal-Assemblea -  tgawdi mis-sapport kontinwu li jagħtuha l-parlamenti membri.

Il-ħidma tal-Assemblea titwettaq minn tliet Kumitati Permanenti li jfasslu opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet. It-tliet kumitati huma:

  • L-Ewwel Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni relatata mal-Politika u s-Sigurtà

  • It-Tieni Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Ekonomika, Soċjali u Ambjentali

  • It-Tielet Kumitat Permanenti dwar id-Djalogu fost iċ-Ċivilizzazzjonijiet u d-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Assemblea tiltaqa' għas-sessjoni plenarja darba f'sena u l-membri jiġu preżentati bil-ħidma u r-riżoluzzjonijiet tat-tliet Kumitati Permanenti.