Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Not. Anthony Abela

Lura għal-Lista
Anthony Abela  

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

 

TIFKIRA TAN-NUTAR TONY ABELA

FIL‑KAMRA TAD‑DEPUTATI

PARLAMENT TA' MALTA

 

15 ta’ Jannar 1956 ‑ 8 ta’ Novembru 2022

 

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati

bejn

id‑9 ta’ Lulju 1987 u l‑20 ta’ Jannar 1992

il‑5 ta’ Diċembru 1996 u d‑9 ta’ Marzu 2008

is‑16 ta’ Novembru 2015 u l‑1 ta’ Mejju 2017

 

Tony Abela

Ġurament ta' Lealtà


L‑EWWEL DISKORS TAN-NUTAR TONY ABELA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 5 tat‑Tnejn, 20 ta’ Lulju 1987

IS‑SITT LEĠIŻLATURA

 

INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD‑DISKORS

TAL‑AĠENT  PRESIDENT (Kont.)

 

ONOR. TONY ABELA: Mr Speaker, nixtieq li wara l‑interruzzjoni twila nkompli ngħaddi xi kummenti dwar xi punti li ħarġu mid‑Diskors tal‑Aġent President li sar fl‑ewwel seduta ta’ dan il‑Parlament u se nirreferi għal paġna 8 tad‑Diskors fejn jgħid:

 

"Riforma oħra se ssir fil‑mod ta’ kif titħallas it‑taxxa tas‑suċċessjoni sabiex titneħħa t‑tbatija ..."

 

Kif nafu, sal‑lum, għall‑fini tat‑taxxa tas‑suċċessjoni meta jmut bniedem, il‑familja tiegħu hija eżenti milli tħallas taxxa fuq l‑ewwel Lm3,000. Jien inħoss li għandhom isiru l‑emendi neċessarji biex id‑dar li tkun okkupata mill‑familja tad‑de cuius tittieħed bħala mhux taxxabbli anke fil‑każ tat‑taxxa tas‑suċċessjoni. 

 

Mr Speaker, issemmiet ukoll f’paġna 14 tal‑imsemmi Diskors, l‑importanza kbira li għandha tingħata lill‑wirt arkitettoniku u kulturali ta’ pajjiżna. Bla dubju ta’ xejn dan naqblu fuqu lkoll, u f’dan il‑kuntest jien inħoss li wieħed mill‑iktar monumenti ta’ importanza f’dan ir‑rigward hija l‑Belt tal‑Imdina. Din diġà qed tinżamm f’kondizzjoni nadifa, però hemm bżonn li jkompli jsir titjib f’din il‑belt, b’mod li tkun simili għal bliet oħra fl‑Ewropa.  M’għandux jitħalla li arkitettura sabiħa li turi ċerta epoka ta’ żmien, ikun hemm affarijiet madwarha li jistonaw u ma jkunux f’ambjent li proprju jaqblu ma’ dawk tal‑Belt tal‑Imdina. 

 

Hemm ukoll, Sur President, il‑wirt arkeoloġiku ta’ pajjiżna. Jien inħoss li f’dan ir‑rigward għandhom isiru, jekk hemm bżonn, korsijiet speċjali għal min verament jinteressa ruħu f’din il‑linja sabiex flimkien, bħala ħaddiema tad‑dipartiment ikkonċernat, ikunu jistgħu jagħmlu tfittxijiet arkeoloġiċi iżjed b’ħeffa u iżjed b’expertise milli sar sal‑lum. Saħansitra, jekk hemm bżonn, dawn in‑nies li jinteressahom dan ix‑xogħol għandhom jispeċjalizzaw barra minn Malta biex imbagħad ikunu jistgħu jaħdmu f’dan id‑dipartiment għall‑benefiċċju tal‑poplu kollu. 

 

F’paġna 17 tad‑Diskors issemmew ukoll, Sur President, il‑plots tal‑Gvern, flats u djar. Issemma li nħolqu komplikazzjonijiet mill‑abbużi tar‑requisition orders. Jien naħseb li jrid isir studju ta’ kif se jiġu solvuti l‑problemi ta’ postijiet li ġew allokati mingħajr ma ħarġet requisition order ... M’għandhiex tkun ta’ tbatija għas‑sid, però min‑naħa l‑oħra m’għandhomx ibatu dawk in‑nies li mingħalihom li tkun saret il‑proċedura u fil‑fatt ma tkunx saret.  Hemm ukoll każijiet fejn saru allocations tal‑istess proprjetà għal aktar minn darba ftit ġimgħat biss qabel l‑elezzjoni.

 

Indur issa biex nitkellem xi ftit fuq il‑ħteġijiet ta’ pajjiżna rigward l‑isports. Nitlob mill‑Ministeru kkonċernat ‑ minkejja l‑limitazzjonijiet tagħna ta’ pajjiż żgħir ‑ illi jsiru                    organiz­zazzjonijiet biex dawn jaħdmu fuq bażi nazzjonali sabiex kwalunkwe sport f’pajjiżna jkun attrezzat b’mod aħjar u aktar kompetittiv. Nistgħu nibdew billi l‑attrezzi ta’ ċertu sports ikunu eżenti minn dazju u minn ħlasijiet simili. Hemm diversi clubs u assoċjazzjonijiet li sfortunatament sal‑lum għadhom jokkupaw diversi proprjetajiet jew b’encroachment jew inkella b’titolu dubjuż ħafna. Jien nixtieq li dawn jingħataw titolu tal‑proprjetà li jokkupaw u fejn iħallsu kera lill‑Gvern din għandha tkun b’mod nominali sabiex ma jkollhomx spejjeż kbar biex imexxu l‑isports tagħhom. Aħna lkoll nafu li sfortunata­ment hawn Malta, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, fi kwalunkwe sports, speċjalment fil‑kamp atletiku, immorru tajjeb ħafna sakemm in‑nies jilħqu s‑16‑il sena.  Però mbagħad, minn hemm ̓il quddiem il‑livell għandu t‑tendenza li jmur lura ħafna. Hemm bżonn li jsiru l‑attrezzi u tingħata l‑għajnuna neċessarja biex min hu interessat fl‑isports ta’ din in‑natura, isib il‑fondi meħtieġa. Fuq din żgur li m’għandu jkun hemm l‑ebda oppożizzjoni jew partiġġjaniżmu minn naħa jew oħra. Min jirbaħ fl‑isports jagħmel unur mhux lil naħa jew oħra, iżda lill‑pajjiż kollu.

 

Mr Speaker, nixtieq nagħlaq billi nitkellem ftit fuq item li minkejja li ntqal ħafna kliem fuqha, jiddispjaċini ngħid li passi konkreti ma tantx qegħdin jittieħdu. Din hija d‑deċenza pubblika li tirrifletti li l‑moralità tal‑Maltin kulma jmur qiegħda tmur lura.  Mhix xi ħaġa sabiħa li bniedem irabbi lill‑familja tiegħu f’ambjent Kristjan, imbagħad illum ma jistax jeħodhom il‑baħar.  Jien nixtieq li l‑Ministri kkonċernati jieħdu l‑passi sabiex jaraw li f’pajjiżna jinżamm ċertu livell ta’ deċenza. Fuq kollox aħna żguri li, jgħumu u ma jgħumux topless in‑nies, it‑turisti mhux se jonqsu minn Malta. Min jiġi hawn Malta jiġi hawn biex igawdi x‑xemx, l‑arkeoloġija tagħna u lil pajjiżna. Żgur li m’għandux għalfejn jiġi hawn biex joqgħod jara n‑nies jgħumu topless. 

 

Nirringrazzjak, Sur President.

 

 

Kondoljanzi (15 Jan 1956 - 8 Nov 2022)

Estratt mis-Seduta Parlamentari 54 tal-Erbatax-il Leġislatura tal-Erbgħa 16 ta' Novembru 2022.

KONDOLJANZI

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra se tgħaddi għall-Kondoljanzi fir-rigward tal-Eks Membru Parlamentari, in-Nutar Dr Tony Abela, li ħalliena fit-8 ta’ Novembru.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, min ġie qabli ġie kmieni, min ġie warajja ġie tard; la mmut jien imut kulħadd. Qaluli li Tony kien iħobb ħafna jgħid dan il-kliem. Lili qatt ma qaluli, però li naf żgur hu li Tony, li kellu 66 sena, telaqna kmieni wisq u ħalla jibku t-telfa tiegħu primarjament lil martu Myra u lil uliedu Sam, Edward u Hannah imma anke lil ħafna partitarji u Maltin li kienu jħobbuh.

Tony kien imur il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi bħalma kont immur jien, kien imur l-Università bħalma kont immur jien u kien ukoll fil-KSU (Kunsill Studenti Universitarji) bħalma kont jien, però mbagħad ma bqajniex niffrekwentaw l-istess postijiet meta hu kien daħal bħala kaxxier tal-Partit Nazzjonalista u daħal membru tal-SDM (Studenti Demokristjani Maltin) filwaqt li jien dħalt membru mal-FŻL (Forum Żgħażagħ Laburisti).

Forsi l-ewwel stampa li tiġihom f’moħħhom in-nies meta jiftakru f’Dr Tony Abela hija stampa tiegħu waqt li jkun qed isir xi ġbir tal-fondi tal-Partit Nazzjonalista għax Tony kien famuż biex jiġbor il-fondi, u ħafna nies baqgħu impressjonati biha dik! Jien ilħaqt lil Tony fil-Parlament anke meta kien sar Membru Parlamentari l-ewwel darba għax l-ewwel hu kien sar Membru Parlamentari fl-1987 fejn baqa’ jiġi elett elezzjoni ġenerali wara l-oħra, imbagħad kien hemm elezzjoni waħda fejn ma telax u allura ma baqax Membru tal-Parlament għal ftit snin, imma mbagħad qisu fl-aħħar sentejn tal-Leġiżlatura preċedenti reġa’ sar Membru Parlamentari u dam Membru ta’ din il-Kamra sal-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Sur President, jien naf ukoll - għax ġieli kont nisma’ lil ħaddieħor jgħidha din - li minkejja li meta kien ikun hemm xi attività tal-Partit Nazzjonalista għal ġbir ta’ fondi, hu kien iħobb jiġbor il-flus b’ċerta pompa, min-naħa l-oħra minn wara l-kwinti u bla ebda pompa kien jgħin lil ħafna u ħafna nies fejn kien anke joħroġ il-flus minn butu mingħajr ma jgħid xejn u mingħajr ma jkun jaf ħadd. Għalhekk bir-raġun li l-istampa li għandhom ħafna nies ta’ Dr Tony Abela hija dik ta’ bniedem galantom għax veru kien bniedem galantom, però huwa kien galantom maż-żgħir fis-silenzju u fil-kwiet. Fil-fatt din hija waħda mill-memorji personali li għandhom ħafna nies ta’ Tony għax filwaqt li forsi pubblikament kien jidher persuna tal-Partit u tal-Parlament, ħafna nies għandhom dik il-memorja personali tiegħu ta’ meta għenhom personalment u biddlilhom ħajjithom għall-aħjar.

Tony kien bniedem li tista’ taħdem miegħu. Hu kien bniedem ċajtier ħafna tant li anke wara li kien ikun għadu kif kellna xi dibattitu sħun f’din il-Kamra, meta mbagħad noħorġu ’l barra minn din il-Kamra konna nerġgħu nibdew niċċajtaw flimkien. Kif semmejt diġà, huwa għamel snin twal Membru ta’ dan il-Parlament. Kien attiv fil-Kumitati ta’ dan il-Parlament u anke rrappreżenta lil dan il-Parlament ħafna drabi barra l-pajjiż. Kien ukoll membru attiv tal-Gvern Nazzjonalista, l-ewwel bħala Segretarju Parlamentari fil-ministeru tal-finanzi ta’ dak iż-żmien u mbagħad fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala Segretarju Parlamentari għal materji ta’ difiża.

Bħalma għedt aktar kmieni, jien u Tony konna bdejna l-ħajja akkademika tagħna flimkien, imbagħad minħabba t-twemmin politiku tagħna ħadna toroq differenti, però fl-aħħar erġajna sibna ruħna flimkien. Jien ilħaqtu, jew almenu pprovajt nibda nilħqu, għax illum kemm jien kif ukoll Tony sirna nanniet; jien ta’ wieħed u Tony ta’ tlieta! Nismagħhom jgħidu - u din hija xi ħaġa li kien jgħidha hu stess - li l-mimmi ta’ għajnejn Tony kienu n-neputijiet tiegħu; tliet neputijiet li ħalliehom jibkuh flimkien ma’ wliedu u martu. Għalhekk f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem din in-naħa tal-Kamra, f’isem il-Membri taż-żewġ naħat ta’ din il-Kamra u jien ċert li f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu nixtieq nestendi l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu, lill-qraba u l-ħbieb. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien nixtieq ningħaqad mal-kollega tiegħi d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa dwar dak li għadu kemm qal.

Għalina Dr Tony Abela mhux biss kien politiku u mhux biss kien bniedem li joħroġ il-flus mill-ġlekk waqt xi maratona għal ġbir ta’ fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista, kif għadu kemm qal tajjeb id-Deputat Prim Ministru, imma kien ukoll ħabib, kien bniedem li jaf iħobb u kien anke bniedem li ta servizz, u meta ngħid ‘ta servizz’ m’iniex qed nirreferi biss għas-servizz li ta bħala politiku. Żgur li kien ta servizz kbir bħala nutar għax wara kollox dak kien ix-xogħol tiegħu, però kulħadd jaf li huwa għamel ħafna u ħafna xogħol b’xejn biex jgħin lin-nies, anke bħala nutar. Jien naf ħafna kollegi li meta kienu jsibu xi problema jew xi skoll kienu jaqbdu t-telephone, iċemplu lin-nutar u wara li jgħidulu xi jkun qed jinkwetahom, f’ħames sekondi kien jagħtihom is-soluzzjoni. Hux veru Sam; hux veru Edward li hekk kien Dr Tony Abela?! Fil-konversazzjonijiet li jien kelli miegħu matul dawn l-aħħar sentejn - għax nistqarr li qabel jien ma kontx nafu personalment - skoprejt bniedem li ħafna min-natura tiegħu ma tidhirx, bħal dik l-iceberg li inti tara ftit minnha imma taħtha jkun hemm massa akbar minn dik li inti tkun qed tara. Fil-fatt Tony Abela hekk kien; bniedem ta’ ftit kliem li ħabb il-politika u li lill-politika taha servizz. Huwa ta servizz kbir anke lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin kollha bħala Segretarju Parlamentari. Kien bniedem li ta servizz kbir ħafna fir-Rabat taħt diversi kpiepel, inkluż fil-każini tal-futbol - hawn ta’ min isemmi r-Rabat Ajax - u fis-soċjetajiet mużikali ta’ din il-lokalità.

Sur President, Dr Tony Abela kien ukoll punt ta’ riferiment, u naħseb li dan huwa legat sabiħ. Tony kien bniedem li tista’ tankra miegħu; li tista’ tmur għandu u taf li b’xi mod se ssib xi tip ta’ soluzzjoni jew xi tip ta’ kenn, u naħseb li dan il-legat, għeżież Myra, Hannah, Sam u Edward, huwa legat sabiħ. M’għandix dubju li intom se tibqgħu tħaddnu l-memorji sbieħ li għandkom ma’ Tony. Kif għedt anke lil Sam f’messaġġ li bgħattlu, jien nistqarr li mill-ftit li sirt nafu lil dan il-bniedem ħabbejtu għax kien verament bniedem ġentili u ġenwin. Fil-fatt meta ma tkunx tafu personalment, mal-ewwel daqqa t’għajn kien jagħtik impressjoni differenti għax kont taħsbu li hu daqsxejn raff, però fir-realtà kien bniedem taz-zokkor. Għalhekk filwaqt li nagħtikom il-kondoljanzi, nirringrazzjakom talli lil Tony sliftuh lil dan pajjiż, sliftuh lil dan il-Parlament, sliftuh lill-Partit Nazzjonalista u sliftuh ukoll lill-Maltin u Għawdxin biex b’hekk ikun jista’ jagħtihom is-servizz kbir li tahom. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Filwaqt li nirringrazzja lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, ningħaqad mas-sentimenti espressi min-naħa tagħhom.

Jien u n-Nutar Dr Tony Abela konna ħbieb. Niftakar li l-ewwel darba li ltqajt ma’ Tony kien fl-1977 meta kien hemm il-funeral ta’ missieru Sammy Abela fir-Rabat. Dak iż-żmien jien kont spettur fl-istess lokalità, u kien ġie jkellimni. Dik kienet l-ewwel darba li ltqajt miegħu, però konna bqajna ħbieb u minn kemm ilni fil-Parlament, kemm bħala Membru Parlamentari kif ukoll bħala President tal-Kamra, lil Dr Tony Abela dejjem nafu bħala bniedem solidali ħafna.

Tony kien ukoll bniedem li fejn tidħol il-familja ma kien jidħol xejn għax għalih l-ewwel kienet tiġi l-familja. Fil-fatt irrid ngħid li huwa kien bniedem solidali ħafna anke fi kwestjonijiet li kelli x’naqsam magħhom jien personalment għax kien jiġi hu personalment u jagħtik is-sapport. Dak kien Dr Tony Abela. Tony wera solidarjetà tremenda miegħi, u allura nemmen li bħalma ssemma diġà, kif għamel miegħi għamel anke ma’ ħaddieħor. Niftakar li kull meta kelli bżonn inkellmu kien jgħidli “Mhux fuq it-telephone, Anġlu! Ħalli niġi l-Mosta u niltaqgħu hemmhekk!” Dak kien Dr Tony Abela. Anzi nista’ mmur oltre minn hekk ukoll.

Wieħed mill-ħbieb tiegħi huwa l-Professur Albert Farrugia. Naħseb l-Onor. Chris Fearne jafu wkoll. Konna nistudjaw is-Sixth Form flimkien. Għal min ma jafx, il-Professur Albert Farrugia huwa wieħed mill-aqwa xjentisti mediċi tad-dinja. Biss biss ta’ min jgħid li kiteb mhux inqas minn 170 ktieb proprju dwar ix-xjenza medika. Jien u Bertu Farrugia - għax jien hekk nafu; bħala Bertu - konna f’wing li ma kienx jaqbel mal-ħsieb ta’ Dr Tony Abela, iżda madankollu nixtieq naqsam magħkom il-mod li bih Bertu Farrugia ddeskriva lil Tony, li kien iltaqa’ miegħu l-Awstralja ftit tas-snin ilu:

“I knew him as a contemporary at the University of Malta in Sixth Form ...”

- dan kien għall-ħabta ta’ bejn l-1974 u l-1976 -

“... on the opposite sides of politics, but we got on so well because of his irrepressible sense of humour. I met him last on the Memorial Day of 9/11 when he was in Canberra as part of the Maltese Parliamentary Delegation. We caught up and he gifted me a large number of Maltese stamps on First Day Cover.”.

- Kulma kellu tahomlu dak il-ħin. Mid-dehra kellu xi mazz! -

My sincere condolences to his family.”.

Hawnhekk qed nikkwotalkom x’qal Bertu Farrugia, għax jien nikkorrispondi miegħu b’mod regolari. Dak kien Tony Abela.

Għalhekk ningħaqad mas-sentimenti tal-kelliema ta’ qabli u nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-familja kollha filwaqt li ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi u dak kollu li ntqal f’din il-Kamra dwar Dr Tony Abela lill-familja tiegħu kollha. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)

Electoral History

Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992
It-Tmien Leġiżlatura (1996 - 1998)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 26.10.1996
Ġurament tal-Ħatra: 05.12.1996
Xoljiment tal-Parlament: 03.08.1998

Distretti Elettorali

Id-Disa' Leġiżlatura (1998 - 2003)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 05.09.1998
Ġurament tal-Ħatra: 24.10.1998
Xoljiment tal-Parlament: 10.03.2003

Distretti Elettorali

L-Għaxar Leġiżlatura (2003 - 2008)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 14.04.2003
Ġurament tal-Ħatra: 24.05.2003
Xoljiment tal-Parlament: 04.02.2008
Karigi
Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi - 15.04.2003
Waqqaf: 22.03.2004
Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru - 23.03.2004
Xoljiment tal-Parlament: 04.02.2008

Distretti Elettorali

It-Tnax-il Leġiżlatura (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 16.11.2015
Ġurament tal-Ħatra: 16.11.2015
Xoljiment tal-Parlament: 01.05.2017

Distretti Elettorali